Arnaud: Id-deċizjoni tad-data tal-arrest tat-tliet akkużati bil-qtil ta' Daphne ma saritx fil-preżenza ta' Schembri

Meta kien qed jixhed Keith Arnaud qal li l-PM, Keith Schembri u Silvio Valletta kienu preżenti fl-ewwel żewġ briefings dwar l-arrest tal-aħwa Degiorgio u l-Koħħu, imma mhux preżenti fil-laqgħa li ddeċidiet id-data tal-arrest

Keith Arnaud
Keith Arnaud

Dalgħodu, hekk kif qed ikompli jinstema’ l-Każ Kostituzzjonali li fetaħ Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex l-Ispettur Keith Arnaud ma jibqax imexxi l-investigazzjonijiet, l-istess Arnaud tela' jixhed. 

Huwa ċaħad illi għadda informazzjoni lil Keith Schembri, fosthom dwar meta se kienu se jiġu arrestati t-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

Fil-Qorti Arnaud qal illi l-ewwel briefing li kellu f'Kastilja kien ftit ġimgħat qabel l-arrest tal-aħwa Degiorgio u tal-Koħħu. Dawn qed ikunu akkużati bil-qtil ta' Caruana Galizia. Dakinhar kien iltaqa' ma' Joseph Muscat għall-ewwel darba u preżenti kien hemm ukoll l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta u Keith Schembri, dak iż-żmien Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-PM. 

"Kienet l-ewel darba li ltqajt ma' Schembri," qal Arnaud. 

Kien hemm imbagħad it-tieni briefing, ġranet qabel ma saru l-arresti fil-Marsa. L-istess nies kienu preżenti. 

"Imma anke fit-tieni briefing ma kinux determinati d-dati tal-arresti," qal Arnaud. "Konna għadna qed niġbru l-evidenza."

Id-deċiżjoni finali ttieħdet nhar l-4 ta' Diċembru għand il-Malta Security Services. 

"Schembri kien qiegħed hemm?" kien mistoqsi Arnaud mill-Avukat Marion Camilleri, bit-tweġiba tkun fin-negattiv. 

"Il-PM fdana bid-deċiżjoni u qalilna li aħna nafu x'inhu l-aħjar u għandna mmexxu." 

L-avukat Camilleri flimkien mal-avukat Gianluca Caruana Curran qed jidhru għal Yorgen Fenech. 

X'qal Arnaud dwar ir-rekordings? 

Intant Arnaud tkellem ukoll dwar ir-rekordings u qal illi fir-rekordings ta' konverazzjonijiet bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma, Keith Schembri ssemma' diversi drabi, kif issemma wkoll ismu. 

Huwa jgħid ukoll illi f'dawn ir-rekordings jissemmew il-briefings li saru mal-Assistenti Kummissarju Silvio Valletta, Owen (Bonnici) u 'ix-xiħ'. 

Arnaud sostna illi hu wkoll kien qed jibża' għal ħajtu għax wara kollox hu kien l-investigatur ewlieni f'dan il-każ. 

Għalfejn infetaħ dan il-każ?

Yorgen Fenech fetaħ dan il-każ għax qed jisħaq li l-Ispettur Arnaud huwa viċin wisq Keith Schembri.

Huwa qed jisħaq li Keith Schembri kien iżommu informat dwar l-investigazzjoni u kien jgħaddilu informazzjoni sensittiva. Fi kliemu, din l-informazzjoni kien qed jagħtihielu l-Ispettur Arnaud.

Ara hawnhekk kif xehed dwar il-fatt li l-każ ta' Daphne Caruana Galizia għadu miftuħ. 

More in Politika