Muscat kien ta l-barka għall-‘patt imxajtan’ waqt laqgħa ma' Abela, Fearne u Borg

Joseph Muscat kien iltaqa’ ma’ Robert Abela, Chris Fearne u Ian Borg u sar ftehim bil-barka ta’ Muscat għal trijumverat, imma ma kellux ikun...

Il-PM Musat u ż-żewġ kontestanti għat-tmexxija Laburista
Il-PM Musat u ż-żewġ kontestanti għat-tmexxija Laburista

Din il-gazzetta tista’ tiżvela illi l-famuż ‘patt max-xitan’ li kien semma Robert Abela, kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista, ma kien xejn għajr qbil li ta l-benidizzjoni għalih Joseph Muscat u li suppost kien witta’ t-triq biex Muscat irriżenja nhar il-Ħamis li għadda.

Din il-gazzetta tinsab infurmata illi Robert Abela u l-Ministri Chris Fearne u Ian Borg kellhom laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat ftit wara li dan ħabbar illi se jkun qed jirriżenja. 

Jidher li matul din il-laqgħa Muscat approva ftehim biex Fearne awtomatikament jeħodlu postu bħala Prim Ministru u miegħu, bħala parti mit-tim jiġu mbuttati Ian Borg u Robert Abela bħala Deputati Mexxejja.

Dan kien se jwitti t-triq għall-Prim Ministru biex iħabbar ir-riżenja tiegħu nhar il-Ħamis li għaddew, xi ħaġa li ma ġratx hekk kif Abela qal li mhux se jkun parti minn dan ‘il-patt imxajtan’ u ddeċieda li joħroġ bħala kandidat għat-tmexxija tal-PL. Huwa mifhum li l-PM xtaq jitlaq qabel id-data tat-12 ta’ Jannar, kif oriġinarjament ippjanat, minħabba pressjoni inġenerali fil-pajjiż, pressjoni mill-kabinett stess u fil-partit u fuq kollox, kif irrapportat fuq is-sit illum.com.mt il-ġimgħa l-oħra, mill-Unjoni Ewropea.

Għalkemm ma kien hemm xejn bil-miktub inħolqot rabja, fost diversi fil-Gvern u fil-partit għal Abela minħabba li huwa mifhum illi dak ma’ Muscat kien ftehim ‘ta’ rġulija’ li ma messux inkiser.

Din l-informazzjoni tikkonferma storja ppubblikata fuq is-sit maltatoday.com.mt li kienet tgħid illi kienu għaddejjin diskussjonijiet biex Fearne ma jkunx ikkontestat u allura, Fearne jsir awtomatikament Prim Ministru.

Ftit wara li Fearne ħabbar il-kandidatura, kważi l-Ministri kollha ħarġu jagħtuh appoġġ u jgħidu illi dan huwa l-persuna li l-aħjar illi jista’ jmexxi l-partit u lill-Gvern f’dan il-punt. Ian Borg, li għal xi żmien kien qed jissemma bħala kontestant, iddeċieda li jappoġġja lil Fearne u ma joħroġx għal din l-elezzjoni.

Din ma niżlet tajjeb xejn ma' ħafna attivisti Laburisti li rħewlha għal fuq Facebook jilmentaw li huma jridu l-għażla u jeżerċitaw id-dritt li jivvutaw. 

Wara sigħat ta’ stennija u laqgħat ma’ Fearne illi f’waħda minnhom saħansitra kien preżenti s-Segreatraju Parlamentari Clifton Grima, Abela xorta ħabbar li se jkun qed jikkontesta għall-aktar kariga prestiġjuża fil-PL u fil-Gvern.

Minkejja li huwa mifhum illi Abela għandu ammont ta’ appoġġ fost l-attivisti, Fearne, sa issa, jidher li għandu kampanja ħafna iktar ippreparata minn dik ta’ Abela.

Interessanti huwa l-fatt li dan il-patt imxajtan seta’ wassal biex Fearne u speċjalment Abela ħallew, litteralment fil-każ ta’ Abela, għall-aħħar minuti biex tefgħu n-nomini għall-kariga, liema nomini kienu ilhom miftuħin tlett ijiem.

More in Politika