Il-President tal-Parlament Ewropew jesiġi li l-Kunsill Ewropew jieħu pożizzjoni fuq il-Gvern Malti

Pressjoni fuq il-Kunsill Ewropew, mill-Parlament Ewropew, biex tittieħed pożizzjoni fuq Malta waqt laqgħa li fiha se jattendi Muscat

Joseph Muscat
Joseph Muscat

Hekk kif bħalissa qed jibda jitlaqqa' l-Kunsill Ewropew il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli ħeġġeġ lill-istess Kunsill biex jieħu pożizzjoni fuq pajjiżna, dan hekk kif il-PM Joseph Muscat se jkun preżenti f'dan il-Kunsill.

L-ittra kienet miktuba minn Juan Fernando Lopez Agiular u Sophie In't Veld, li kienu parti mid-delegazzjoni li ġiet pajjiżna l-ġimgħa l-oħra, mgħoddija lil Sassoli li għaddieha lill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.  

"Meta nikkunsidraw l-evoluzzjoni rapida tas-sitwazzjoni ... nemmnu li huwa importanti li l-Kapijiet tal-Gvern jieħdu pożizzjoni. Malta hija parti mill-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet għandhom responsabilità li jassiguraw li l-valuri Ewropej huma rispettati madwar l-UE kollha,"sostna Sassoli.  

L-ittra li bagħat Sassoli tgħid li l-konklużjonijiet tad-delegazzjoni li ġiet Malta huma inkwetanti ħafna u jeħtieġu azzjoni immedjata.

"Id-delegazzjoni esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-fatt li r-riżenja ta' Muscat qed tkun ittardjata sat-12 ta' Jannar ... aħna nibżgħu illi dan jikkostitwixxi riskju serju, reali jew perċeput, illi l-investigazzjoni fil-qtil u l-investigazzjonijiet ikunu kompromessi," temmew jgħidu. 

 

 

More in Politika