It-tielet flyover fil-proġett tal-Marsa Junction mistennija tkun lesta xahar u nofs qabel iż-żmien

Il-Ministru Borg spjega li għalkemm din il-flyover kienet fil-fatt imħabbra li ser titlesta sal-aħħar ta’ Jannar 2020, ix-xogħlijiet baqgħu għaddejjin b’ritmu mgħaġġel 

Il-proġett fil-Marsa
Il-proġett fil-Marsa

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar is-sit tal-proġett tal-Marsa Junction fejn għaddejja ġmielha l-ħidma fuq it-tielet minn seba’ strutturi ta’ flyovers.

Il-Ministru Borg spjega li għalkemm din il-flyover kienet fil-fatt imħabbra li ser titlesta sal-aħħar ta’ Jannar 2020, ix-xogħlijiet baqgħu għaddejjin b’ritmu mgħaġġel u għalhekk ladarba t-temp jippermetti, dan il-pont se jkun qed jinfetaħ sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.

“Hawnhekk qed naraw l-aħħar fażijiet ta’ xogħol fuq l-itwal flyover mis-sebgħa li għandna pjanati għal din il-ħolqa prinċipali fin-network tat-toroq Malti. Dan ifisser li se nkunu qed naraw l-eliminazzjoni tat-traffic light system darba għal dejjem. Ifisser li se naraw aktar titjib tanġibbli fil-ħinijiet tal-ivvjaġġar u fil-kwalità tal-arja għall-eluf ta’ nies li jgħixu, jaħdmu u jżuru n-Nofsinhar tal-pajjiż. Dan il-pont ser ikun tlesta xahar u nofs qabel iż-żmien mistenni u dan huwa grazzi għall-ħidma kontinwa, xemx u xita, ta’ dawk kollha li qed isegwu u jaħdmu fuq dan il-proġett. Infrastructure Malta u l-gvern jibqgħu kommessi li jkomplu jimplimentaw aktar proġetti tat-toroq importanti, bħalma għandna hawnhekk u bħalma qed naraw bħalissa f’diversi inħawi oħra, fosthom il-mini ta’ Santa Luċija ftit passi ’l bogħod u t-tieni fażi tal-Marsa-Ħamrun Bypass in-naħa l-oħra,” għalaq il-Ministru Ian Borg.

Il-proġett tal-Marsa Junction qed isir b’investiment ta’ €70 miljun u jinkludi aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li ser jgħaddu b’mod seperat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, u se joħolqu konnessjonijiet diretti lejn it-Tramuntana kif ukoll lejn in-Nofsinhar bejn toroq arterjali li jingħaqdu f’din il-ħolqa. B’hekk ser jispiċċa l-ħin ta’ stennija li kien ikun hemm tul din ir-rotta prinċipali lejn in-naħa ta’ isfel ta’ Malta u jonqsu l-emissjonijiet ikkaġunati mill-konġestjoni fil-Marsa u fil-lokalitajiet tal-madwar. Bil-proġett se jiġu introdotti wkoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi ta’ trasport, fosthom bankini, pontijiet għall-mixi, waqfiet u korsiji għall-karozzi tal-linja, żona park and ride u żoni ġodda msebbħin bis-siġar u bil-pjanti, fost infrastruttura oħra ġdida

More in Politika