Inkwiet għal Delia ... 27.6% tal-votanti nazzjonalisti fl-2017 jafdaw aktar lil Fearne minnu

Fearne popolari mal-votanti Nazzjonalisti u f'kull każ, anke Robert Abela u jekk joħroġ Ian Borg, hemm appoġġ konsiderevoli fost dawk li vvutaw PN fl-2017

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia

Adrian Delia, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni għandu għalfejn jinkwieta fuq l-aħħar numri li ħarġu fis-sondaġġ tal-Kamra tal-Aħbarijiet Mediatoday u dan għax juri li f'kull każ kull kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista qed jikseb fiduċja konsiderevoli minn nies li vvutaw PN fl-2017.

L-aktar xenarju ħażin huwa dak fejn Delia huwa kkumparat ma' Fearne hekk kif f'dan il-każ 27.6% ta' dawk li vvutaw PN fl-aħħar elezzjoni ġenerali jafdaw iktar lil Fearne milli lill-Kap tal-PN. Fil-fatt filwaqt li 38.6% jafdaw lil Delia, 27.6% jafdaw lil Fearne, 10% ma jafux u 23.8% lil ħadd minn dawn it-tnejn. 

Dan jixhed il-popolarità ta' Fearne fost votanti Nazzjonalisti, forsi anke dawk li ma kellhom ebda affinità lejn Muscat. 

Ikkumparat ma' Robert Abela dan il-persentaġġ jonqos, hekk kif Abela huwa inqas magħruf minn Fearne. B'kollox 8.3% ta' dak li vvutaw PN fl-2017 jafdaw iktar lil Abela milli lil Delia, 47.6% jafdaw iktar lil Delia, 12.1% ma jafux u 32.1% lill-ebda minn dawn it-tnejn. 

Anke Ian Borg, Ministru fil-kabinett kurrenti jiġbed lejh kważi 10% ta' dawk li vvutaw PN fl-2017. Minkejja dan xorta jibqa' l-inqas popolari mal-votanti Nazzjonalisti hekk kif 49.9% jippreferu lil Delia milli lil Borg. Mill-bqija 9.5% ma jafux min minn dawn it-tnejn jistgħu jafdaw filwaqt li 30.8% ma jafdaw lill-ebda wieħed minnhom. 

Minn fost dawk li qed jgħidu li ma jridux jivvutaw Fearne ukoll huwa aktar fdat minn Delia, bil-Ministru Laburista jikseb 51.6% tal-fiduċja. Fil-każ ta' Abela wkoll fost dawk li ma jridux jivvutaw 28.4% jafdaw lilu, ħafna iktar minn Delia. L-istess Ian Borg li li huwa fdat minn 33.2%, filwaqt li Delia fdat biss minn 8.6%. 

 

More in Politika