Grupp ta' żgħażagħ minn Graffitti jidħlu ġo Kastilja jgħajjtu 'ħmieġ u imbruljuni'

'Ġejna nimblukkaw Kastilja għax nemmnu li l-Prim Ministru Joseph Muscat m’għadux denju li jkompli jokkupa l-kariga' - grupp ta' żgħażagħ jimblukkaw Kastilja

Iż-żgħażagħ li daħlu Kasstilja
Iż-żgħażagħ li daħlu Kasstilja

"Qegħdin hawn Kastilja illum, diversi gruppi u individwi, b’messaġġ ċar: irridu lil Muscat jirriżenja issa! Imma mhux Muscat biss il-problema. Ġejna hawn illum Kastilja għax ninsabu inkwetati ferm dwar is-sitwazzjoni mwiergħa li ħakmet lill-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż, u għax ħassejna li pajjiżna issa verament mess il-qiegħ." Hekk sostnew grupp ta' żgħażagħ tal-Moviment Graffitti  fi stqarrija  hekk kif daħlu Kastilja u qagħdu bilqiegħda fil-kurituri isfel, mgħassa mill-pulizija, bħala protesta. 

L-istqarrija tgħid illi dawn m’għadhomx qed jitkellmu biss fuq korruzzjoni - issa qed jitkellmu fuq qtil politiku, "u minkejja dan jidher li għadna ma fehemniex, jew hawn min ma jridniex nifhmu, il-gravità kollha ta’ din is-sitwazzjoni."

"Ġejna nimblukkaw Kastilja għax nemmnu li l-Prim Ministru Joseph Muscat m’għadux denju li jkompli jokkupa l-kariga tiegħu u li l-wegħda tiegħu li jirriżenja f’Jannar mhix biżżejjed. Muscat jixtieq iwassal messaġġ li kollox għaddej ‘business as usual," sostnew iż-żgħażagħ. .

"Business as usual xejn," sostniet l-istqarrija. "Mhux sakemm Keith Schembri għadu ħieles minkejja l-ħama li qed jegħreq fiha."

 "Jifdal l-ebda triq ħlief li ċ-ċittadinii joħorġu fit-toroq u jsemmgħu leħinhom bis-saħħa. Il-jedd demokratiku taċ-ċittadini ma jiqafx mal-eżerċitazzjoni tal-vot darba kull ħames snin."

Graffitti temmew jgħidu li l-politiċi għandhom jibqgħu taħt l-iskrutinju tal-poplu tul il-leġiżlatura kollha u mhux waqt il-kampanja elettorali biss, u meta dawn jiżgarraw u jabbużaw mill-kariga tagħhom għandhom iwarrbu.

"U huwa dan li qed infissru bil-ġest tagħna llum – issa, ma fadal ebda dubju li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru assolutament m’għadhiex tenibbli."

Madwar id-disa' ta' filgħodu, Moviment Graffiti, ħabbru li l-membri tal-midja twaddbu barra minn Kastilja. Barra minn hekk ħeġġew lill-pubbliku biex jmorru lejn Kastilja biex jipprotestaw.

 

More in Politika