Caruana Galizia jgħid li l-kumpanija li tmexxi l-Power Station hija 'vejjikolu għall-ħasil ta' flus'

Illum bdiet tinstema' l-inkjesta fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia  - Matthew Caruana Galizia jgħid illi l-Electrogas hija parti minn xibka ta' Mossack Fonseca

Meta kien qed jixhed illum fl-inkjesta fil-qtil ta' ommu, Daphne Caruana Galizia, Matthew sostna li l-Electrogas, il-kumpanija li bniet u qed topera l-Power Station u li Yorgen Fenech kien direttur tagħha "hija vejjikolu ta' ħasil ta' flus għal xibka li waqqfet Mossack Fonseca. Issa qed naraw li l-Panama Papers hija parti min  xibka ...l-għan huwa li jgħaddu flus b'mod illegali permezz tal-Electrogas." 

Hu qal li 17 Black hija l-vejjikolu ta' Yorgen Fenech. "Xi ħadd waqqaf din il-kumpanija, bħalma Keith Schembri u Konrad Mizzi użaw lil Nexia BT biex iwaqqfu tagħhom."

L-Electrogas hija magħmula minn GEM Holding illi fiha hemm sehem minn Tumas u minn Gasan, Socar li hija l-kumpanija statali tal-enerġija tal-Ażerbajġan u Siemens Projects Venture. 

Caruana Galizia nnota illi t-talbiet għall-informazzjoni dwar 17 Black mill-pulizija kienu qed isiru lill-Emirati Għarab Magħquda, "imma fl-istess ħin il-persuna li qed tirrapreżenta lil Malta fl-Emirati għandha kumpanija li qed tagħmel negozju mal-Electrogas, Beat Limited. 

Huwa qal illi minkejja li darba nħaraq il-bieb tad-dar tagħhom filwaqt li l-klieb tagħhom kienu avvelenati, "mill-2013 lilhawn l-affarijiet iggravaw u komplew jiggravaw. Ommi kienet dejjem iktar iżolata u kien hemm kampanja biex tiġi iżolata permezz tal-blogg ta' Glenn Bedingfield."

Matthew qal li qatt ma nnota li xi ħadd kien qed isegwih qabel inqatlet ommu, għalkemm fil-fatt kien. Hu semma' każ ta' meta mara attakkat lil Caruana Galizia fiżikament u l-każ li seħħ ir-Rabat meta Caruana Galizia kellha xi tgħid bl-ikrah mal-eks Sindku taż-Żurrieq Natius Farrugia u grupp ta' nies miegħu. 

Peter Caruana Galizia, xħin tela' jixhed, ukoll semma' dan l-inċident, kif ukoll il-blogg tal-istess Deputat Laburista Bedingfield u qal li l-pulizija li kienu għassa ma' Daphne ġieli saħansitra bagħtu informazzjoni lil Bedingfield dwarha. 

More in Politika