Analiżi | Keith Schembri: minn fuq sa isfel. Mill-glorja sal-abbissi

Keith Schembri, il-Kasco. Għolla lil-Labour sal-quċċata u tah l-akbar tisbita grazzi għall-Panama. Ħarsa lejn il-karriera stellari, kontroversjali u misterjuża tal-poter wara l-Prim Ministru

Keith Schembri, jew aħjar il-Kasco, huwa negozjant magħruf f’pajjiżna u bħal kull negozjant għandu kuntatti ma’ nies differenti f’partiti differenti. Minkejja kollox iżda Schembri sar popolari u kiseb ħafna mit-tlugħ meta Joseph Muscat tela’ fil-poter. Fil-fatt Muscat għamlu Chief of Staff fl-2013. 

Ir-rebħa: Schembri huwa l-persuna wara r-rebħa tal-Partit Laburista, probabbilment għax huwa strateġista tajjeb imma wkoll sforz li qabad taħt umbrella waħda diversi negozjanti kbar li kienu jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista qabel. Għalkemm, xi ftit jew wisq bħal Richard Cachia Caruana, fis-sens li ftit nafu dwar is-sehem ta’ Schmebri fl-iggvernar, ħafna jikkunsidrawh bħala l-moħħ wara Muscat u l-id wara ħafna mid-deċiżjonijiet li jieħu. 

Tillgate:Iżda wara l-glorja tar-rebħa Schembri daħal fl-akbar kontroversja li issa qed jidher illi se tkun politikament fatali għalih. Ftit wara li l-Partit Laburista daħal fil-Gvern Schembri flimkien mal-Ministru Konrad Mizzi fetħu żewġ kumpaniji f’ġurisdizzjoni magħrufa bħala waħda fejn tirrenja s-segretezza u fejn ħafna nies jaħbu introjtu illeċtu jew li jkun ġej minn mezzi dubjużi. Propju għax din hija ġurisdizzjoni sigrieta, ħafna jiftħu kontijiet hawnhekk. 

Dik ta’ Schembri kien jisimha Tillgate u ta’ Mizzi Hearnville.

Jinkixfu minn Daphne Caruana Galizia:Ftit qabel l-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers Daphne Caruana Galizia bdiet tikxef dawn il-kumpaniji, bil-mod il-mod billi tagħti ħjiel u ma tgħid xejn iktar. 

L-ewwel kixfet il-kumpanija ta’ Mizzi. Ftit wara ta’ Keith Schembri. Dawn ammettew li kellhom din il-kumpanija imma li kienu għadhom se jiddikjarawhom, hekk kif fil-fatt din qatt ma ssemmiet fid-dikjarazzjonijiet tal-assi. 

Minn hemmhekk qamu l-irwiefen kollha u l-Partit Nazzjonalista niżżel lin-nies fit-toroq jesiġi li l-Gvern ikeċċi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri. Minkejja dan, il-PM Muscat baqa’ jirrifjuta li jagħmel. 

Struttura tal-familja/negozjant: Il-Ministru Konrad Mizzi kien sostna illi din il-kumpanija kien fetaħha biex jitfa’ flus li jkun faddal għall-familja, filwaqt li Schembri donnu kien skużat għal uħud għax negozjant. Diversi nies li ma jaqblux mal-Gvern sostnew illi kieku dawn riedu jiftħu fond għal familja setgħu faċilment għamlu dan f’Malta, ġurisdizzjoni trasparenti. 

Egrant: Meta ħarġet l-storja tal-Panama Papers, mill-ewwel intqal li hemm tliet kumpaniji li nfetħu fil-Panama, bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien. Hearnville, Tillgate u l-famuża Egrant. Mill-ewwel bdiet l-ispekulazzjoni dwar ta’ min hija din il-kumpanija. L-argument kien illi la l-aktar żewġ persuni qrib Muscat għandhom kumpanija l-Panama, Egrant bilfors li hija ta’ Joseph Muscat. 

L-ispekulazzjoni dejjem żdiedet dwar Egrant iżda l-Prim Ministru dejjem ċaħad li Egrant kienet tiegħu. 

Marbutin ma’ 17 Black: Wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia l-Proġett Daphne, konsorzju ta’ ġurnalisti, żvela illi 17 Black hija proprjetà ta’ Yorgen Fenech.

Jirriżulta li 17 Black kienet target client tal-kumpaniji fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi u fiha ntefgħu mal-$1.6 miljun li allegatament kellhom jgħaddu għand il-kumpaniji ta’ dawn it-tnejn. L-allegazzjoni hija li minn dawn, $1.4 miljun ġie mill-kumpanija fl-Ażerbajġan Mayor Trans u l-bqija ġew mill-aġent tat-tanker tal-gass. 

17 Black ġiet miftuħa d-Dubaj fil-Bank Noor. 

Imma dawn x’għandhom x’jaqsmu mal-Power Station? 

It-tender intrebaħ mill-Electrogas li hija magħmula mill-kumpanija statali tal-enerġija tal-Ażerbajġan u allura l-konnesssjoni mal-Ażerbajġan, minn Siemens kif ukoll mill-kumpanija GEM Holdings, immexxija minn Tumas Group u Gasan. Yorgen Fenech, wieħed mis-suspettati ewlenin fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien wieħed mit-tliet Diretturi tal-Electrogas. 

Ir-rabta li nibtet bejn Malta u l-Ażerbajġan f’dawn is-sitt snin tmur oltrè minn hekk iżda. Fil-fatt l-istess Proġett Daphne, kien żvela kif iben id-dittatur tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev, Kamaladdin Heydarov, kellu kont fil-Bank Pilatus.  

Layla Aliyeva u $1 miljun: Imbagħad kien hemm l-aktar akkuża gravi, jiġifieri li għaddew ftit iktar minn miljun dollaru lill-Egrant minn Al Sahra FZCO, kumpanija fid-Dubaj li kellha kont fil-Bank Pilatus. Daphne Caruana Galizia kienet qalet illi saru pagamanenti ta’ $100,000 darbtejn fil-ġimgħa f’temp ta’ diversi ġimgħat Jannar.

Tinqatel Daphne: Nhar is-16 ta’ Ottubru 2017 inqatlet Daphne Caruana Galizia f’karozza bomba. L-istorja kulħadd jafha għalkemm issa għandna suspettat. 

Yorgen Fenech inqabad ħiereġ mill-pajjiż fuq il-jott tiegħu Gio. Hu kien arrestat u minn hemm qam il-pandemonju politiku li wassal biex Schembri ttieħed id-Depot fejn qatta’ sigħat sħaħ interrogat jew mistoqsi mill-pulizija. 

Jirriżenja Keith Schembri: Din il-ġimgħa wara tliet snin ta’ pressjoni mill-Oppożizzjoni, mill-midja indipendenti kif ukoll mis-soċjetà ċivili u din il-ġimgħa mill-kabinett tal-Ministri wkoll. 

Ftit wara biss kien id-Depot u wara dak ħarġet l-aħbar li Yorgen Fenech kien qed jippunta subgħajh lejn Keith Schembri bħala l-mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Tard il-Ħamis billejl, il-Pulizija ħabbret illi ma sabitx biżżejjed provi biex tipproċedi kontra Schembri u ħelsitu mill-arrest. Dan kien segwit minn laqgħa tal-Kabinett, maratona li ħadet madwar sitt sigħat u baqgħet sejra sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Fost kommossjoni u saħansitra battibekki barra Kastilja, il-Prim Ministru Muscat ħabbar illi l-kabinett ma qabilx illi jagħti l-Maħfra Presidenzjali lil Fenech.

Minflok ikkalma r-rabja, din id-deċiżjoni flimkien mal-iżviluppi li seħħew sal-Ġimgħa filgħodu, dehru li qed iżidu l-impetu ta’ dawk li kienu qed jipprotestaw.

Dan kollu mmarka l-agħar mumenti tal-Gvern ta’ Joseph Muscat u l-akbar kriżi governattiva li kellu dan il-pajjiż fl-istorja politika kontemporanja. 

More in Politika