'Kull persuna li qed tissemma' hija kapaċi ... Il-membri se jkollhom għażla diffiċli' - PM

Il-Prim Ministru ħabbar li se jkun qiegħed idur il-lokalitajiet biex jiltaqa' man-nies qabel jirriżenja fit-12 ta' Jannar

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kull persuna li ssemmiet fl-aħħar xhur u li tista’ ssir mexxej ġdid tal-Partit Laburista huma kollha persuni kapaċi u saħaq li t-tesserati se jkollhom għażla diffiċli.

Muscat qal dan meta kien qed jiġi intervistat kmieni llum waranofsinhar fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista fejn żvela kif fil-ġimgħat li ġejjin se jkun jkun qiegħed idur il-lokalitajiet biex jiltaqa’ b’mod informali man-nies biex fi kliemu jitkellem magħhom, jirringrazzjahom u anke jitlobhom maħfra għan-nuqqasijiet.

“Mhux spiċċa kollox għax se jispiċċa Joseph Muscat,” qal il-Prim Ministru waqt li insista li “l-moviment għadu ħaj u jista’ jibqa’ jikber.”

Kien għalhekk li fi kliemu għażel li jitgħabba hu bin-nuqqasijiet li kien hemm biex min jiġi warajh ma jsibx ostakli u jkun jista’ jibda t-triq ‘il quddiem.

“Mhux relevanti jekk in-nuqqasijiet kinux tiegħi jew ta’ ħaddieħor,” saħaq Muscat.

'Għandi ideat oħra għall-futur tiegħi​'

Muscat tkellem dwar il-futur tiegħu u saħaq li qiegħed iħares ‘il quddiem biex anke jkollu aktar ħin mal-familja, issa li fi kliemu, se jkun “'il bogħod mill-politika.”

“Għalija lussu kbir li nagħmel is-Sibt mat-tfal,” qal Muscat waqt li insista li jixtieq li jkollu aktar ħin xi jqatta’ magħhom u bħal familji normali anke jgħinhom fix-xogħol tal-iskola.

 “Għandi ideat oħra għall-futur tiegħi li nixtieq nesperimenta fuqhom,” kompla jgħid.

'Jiena se mmur fil-Parlament u nitkellem dwar dak li naf'

Dwar id-diskussjoni fuq il-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Muscat qal li qed iħares ‘il quddiem biex dan ikun diskuss fil-Parlament għalkemm saħaq li ma jafx x’se tkun qed tagħmel l-Oppożizzjoni wara li lbieraħ, Adrian Delia qal li mhux l-Oppożizzjoni mhux se tattendi fejn ikun hemm Joseph Muscat.

“Jiena se mmur fil-Parlament u nitkellem dwar dak li naf mingħajr ma nippreġudika l-każ,” kompla jgħid.

'Qumu minn hemm. Ma spiċċatx id-dinja​'

Dwar l-elezzjoni għall-mexxej ġdid tal-Partit Laburista Muscat qal li se jassigura li l-proċess ikun wieħed imparzjali waqt li insista li hu “mhu se jikkampanja favur ħadd.”

Insista li l-proċess se jagħti ċans lill-kandidati jesprimu l-ideat tagħhom biex fl-aħħar mill-aħħar, id-delegati u l-membri, wara li jismawhom bir-reqqa, “jagħżlu liema direzzjoni jridu jieħdu lil dan il-moviment.”

L-aħħar appell tiegħu kien għal-Laburisti: “Qumu minn hemm. Ma spiċċatx id-dinja. Ġej żmien eċitanti,” insista Muscat waqt li tenna li l-Partit Laburista ma tilifx elezzjoni.

Saħaq li anke jekk dan huma żmien diffiċli, “hemm minn fejn noħorġu u minn fejn ngħaddu. Għalhekk kien hemm bżonn li jiena nirriżenja.”

More in Politika