'Jonqsu biss il-barka Papali' ... Akkademiċi jiffirmaw ittra biex il-Papa ma jiltaqax ma' Joseph Muscat

L-ittra tinsab għand in-Nunzju Appostoliku għal Malta bil-għan li tgħaddi għand is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan

Għadd ta’ letturi tal-Università ffirmaw ittra li ġiet ippreżentata lin-Nunzju Appostoliku għal Malta, l-Arċisqof Allessando d’Errico, bil-għan li titħassar il-laqgħa li l-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jkollu mal-Papa Franġisku fil-jiem li ġejjin.

Il-Professur Albert Borg ikkonferma mas-sit illum.com.mt li din l-ittra diġà ġiet mibgħuta lin-Nunzju, bil-għan li tasal fil-ħin għand is-Segreterija tal-Istat tal-Vatikan.

Mistoqsi għaliex inħasset il-ħtieġa li tintbagħat din l-ittra, il-Professur Borg saħaq li din ma hija xejn għajr “eżerċizzju ta’ propaganda.”

Insista li wara kull tentattiv biex jassolva lilu nnifsu, il-Prim Ministru jonqsu biss “il-barka Papali.”

Sa issa, in-Nunzjatura għadha ma infurmatx lill-Professur Borg jekk l-ittra waslitx u jekk din hux se tkun qed tintbagħat lill-Vatikan.

Min-naħa tagħhom, Repubblika qed iħeġġu lil Maltin biex iċemplu lin-Nunzjatura u anke lis-Segreterija tal-Istat tal-Vatikan biex din il-laqgħa ma ssirx.

Hu mifhum li Muscat għandu jħalli Malta għal Ruma nhar is-Sibt li ġej, 7 ta’ Diċembru.

Intant, is-sit illum.com.mt bagħat jistaqsi lill-kelliem tal-Prim Ministru jekk wara l-aħħar żviluppi, din iż-żjara jew żjajar oħra li Muscat għandu barra minn Malta, hux se jkunu qed isiru kif ippjanat.

Dan l-artiklu jkun aġġornat ġaladarba nirċievu risposta.

More in Politika