L-Oppożizzjoni tagħmel bojkott lil kull attività li fiha se jkun hemm preżenti Joseph Muscat bħala PM

Adrian Delia insista li Joseph Muscat illejla ma fehem xejn

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li Joseph Muscat għandu jirriżenja minnufih u mhux fit-12 ta' Jannar u għaldaqstant ħabbar li l-Oppożizzjoni mhux se tkun qed tattendi għall-ebda attività li fiha se jkun preżenti Joseph Muscat bħala Prim Ministru.

F'messaġġ fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, wara li Joseph Muscat ħabbar ir-riżenja tiegħu, Adrian Delia insista li "illejla Joseph Muscat ma fehem xejn."

"Kull minuta li qed tibqa' fit-tmexxija tal-pajjiż, qed tibqa' ssir il-ħsara. Joseph Muscat illejla ma fehem xejn, Ma fehemx xi tfisser responsabbilità politika, ma fehemx x'qed iħossu l-Maltin u l-Għawdxin, li l-assassinju ta' Daphne seħħ minħabba l-kollass tal-istituzzjonijiet ta' pajjiżna, għax nies qrib tiegħu ħassew li huma 'l fuq mil-liġi. Muscat ma jmissu qatt involva ruħu fl-investigazzjonijiet dwar nies qrib tiegħu," insista Adrian Delia.

Kien hawn li kkritika l-fatt li llejla, Joseph Muscat ftaħar bil-powerstation ta' Delimara waqt li fakkar li din tinsab fiċ-ċentru tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.

"Pajjiżna ma jiflaħx jistenna aktar. Kull ġurnata li jdum fil-kariga, il-ġustizzja ma ssirx u wisq inqas tidher li qed issir," kompla Delia. "Illejla l-poplu qed iħossu aktar tradut."

Adrian Delia insista li saret ħafna ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiż u għad fadal ħafna xi jsir biex il-ġustizzja ssir u biex "Malta tirritorna fit-triq tas-sewwa.

Tenna li l-ħsara setgħet kienet evitata kieku Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu qeda dmiru hekk kif "tfaċċa l-mikrobu tal-korruzzjoni."

"L-ogħla awtoritajiet irreżistew is-sejħa għall-qadi ta' dmirhom. Kieku l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ħadmu fil-qrib, kieku seta' ġie evitat assassinju politiku," temm jgħid Delia.

More in Politika