Aġġornata | Muscat iżomm lil kulħadd fuq ix-xwiek ... mhux se jħabbar ir-riżenja llejla

Il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux se jħabbar ir-riżenja tiegħu llejla ... sa issa għadu ma tkellimx fil-pubbliku

Muscat isellem lill-partitarji tiegħu | Ritratt - Partit Laburista
Muscat isellem lill-partitarji tiegħu | Ritratt - Partit Laburista

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat minkejja li mistemnni jħabbar ir-riżenja tiegħu dan mhux se jagħmlu llejla

Qabel ma jirriżenja Muscat ried li Yorgen Fenech jittella' akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, kif fil-fatt ġara llejla. 

 Il-pressjoni fuq il-partit qed tkompli tikber u minkejja li minn stħarriġ intern jidher illi l-Partit Laburista għadu jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-Maltin hemm biża' illi din tibda titnaqqar bil-kbir, speċjalment jekk xi ħadd bħal Yorgen Fenech jittanta jippunta subgħajh lejn Muscat. 

Naturalment l-atmosfera fiċ-Ċentru Nzzjonali Laburista, kif ukoll is-sentiment fost eluf ta' votanti Laburisti huma ta' sobrija u ta' stennija. Minkejja dan, il-preparazzjonijet għat-tiġrija ta' Mexxej Laburista u Prim Ministru ġdid issa bdew b'elezzjoni interna mistennija f'nofs Jannar. Muscat beħsiebu jibqa' Prim Ministru sakem ikun elett Mexxej ġdid Laburista, f'elezzjoni li mistennija ssir bejn it-18 u d-19 ta' Jannar 2020.

Ftit tal-ħin ilu l-Qorti ċaħdet talba ta' Yorgen Fenech permezz ta' rikors, minħabba l-fatt li ma kinux għaddew 24 siegħa qabel reġa kien arrestat għar-raba' darba. 

Muscat kien elett Mexxej Laburista fl-2008, 11-il sena ilu u wettaq bidla straordinarja fil-partit li kien ilu jitlef elezzjonijiet mill-1998. Muscat rebaħ l-elezzjoni tal-2013 u kien elett Prim Ministru b'maġġoranza enormi ta' 36,000 vot fuq il-Partit Nazzjonalista. 

Minkejja bidliet soċjali kbar u ekonomija robusta u b'saħħitha li tatu ċ-ċans illi jwettaq programm ambizzjuż ta' miżuri finanzjarji, il-Gvern tiegħu spiċċa f'nofs kontroversja minħabba tliet kumpaniji miftuħin bil-moħbi fil-Panama: Tillgate, Hearnville u Egrant. Waħda ta' Keith Schembri, waħda ta' Konrad Mizzi u l-oħra sa issa għadna ma nafux eżatt ta' min 

Din l-istorja baqgħet tiġri wara l-Gvern b'informazzjoni dannuża ħierġa matul is-snin u n-nuqqas ta' azzjoni b'saħħitha biżżejjed wasslet għall-implużjoni li qed naraw illum. 

More in Politika