'Qed inħossni traduta u rrabjata ... l-affarijiet ma jistgħux jittawlu' - Dalli

Miriam Dalli tisħaq illi bħalissa ħafna huma diżorjentati u tappella biex l-affarijiet ma jittawlux bla bżonn

Miriam Dalli qalet illi qed tħossha traduta u rrabjata “Kif qed iħossuhom ħafna.”

Dalli, MEP u kandidat prospettiv għat-tmexxija tal-Partit Laburista, sostniet illi dawk li kellmuha Laburisti jew le, qed iħossuhom “diżorjentati.”

“Din mhijiex kwistjoni ta’ Laburisti u Nazzjonalisti. Din kwistjoni ta’ pajjiż kollu kemm hu. L-affarijiet ma jistgħux jittawlu aktar milli hemm bżonn,” saħqet Dalli.

Bħalissa fil-fatt il-pajjiż qed jistenna lill-Prim Ministru jindirizza lill-pajjiż biex jindika t-triq ‘il quddiem li kollox jindika illi se tkun ir-riżenja tiegħu u Mexxej Laburista kif ukoll Prim Ministru ġdid f’Jannar.

Hija qalet fuq il-messaġġ tagħha fuq Facebook illi hemm ħafna mistoqsijiet li jridu jiġu mwieġba. “Il-ġustizzja trid issir ma’ kulħadd. “

Dalli ammettiet li dan huwa mument diffiċli għal pajjiżna. “Imma konvinta li flimkien nistgħu nerġgħu nkunu b’saħħitna u niffokaw fuq il-valuri li dejjem sawruna u mexxewna. Il-ġustizzja soċjali u li verament ngħinu lill-aktar vulnerabbli. Għandna dover nagħmlu dan lejn l-eluf li emmnu fina u fdawna u li mingħajrna jispiċċaw imkissra. Bħalma qomna f’mumenti diffiċli oħra, konvinta li nerġgħu nqumu mill-ġdid, aħjar u aktar determinati.”

More in Politika