Il-Prim Ministru mistenni jirriżenja u tibda kampanja għal mexxej ġdid fil-bidu tal-2020

Hu mifhum li Muscat se jħabbar li se jirriżenja iżda mistenni jibqa' Prim Ministru sakemm jinħatar mexxej ġdid tal-Partit Laburista

Il-Prim Ministru Joseph Muscat hu mistenni li jirriżenja fis-sigħat li ġejjin. Dan kien ikkonfermat ma' diversi sorsi li tkellmu ma' din il-kamra tal-aħbarijiet.

Dalgħodu, Muscat żar lill-President ta’ Malta George Vella għalkemm sa issa għadu mhux magħruf x’kien diskuss u jekk tkellmux dwar l-intenzjoni tiegħu.

Hu mifhum li Muscat se jħabbar li se jirriżenja iżda mistenni jibqa' Prim Ministru sakemm jinħatar mexxej ġdid tal-Partit Laburista biex jieħu postu bħala Prim Ministru.

Skont is-sorsi, sa Jannar, il-Partit Laburista jkollu mexxej ġdid u l-pajjiż Prim Ministru ġdid.

Ilbieraħ, Muscat sejjaħ laqgħa urġenti tal-Kabinett, liema laqgħa damet seba’ sigħat u spiċċat fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.

F’konferenza, Muscat qal li l-Kabinett iddeċieda biss dwar il-maħfra Presidenzjali lil Yorgen Fenech. Mhux magħruf jekk apparti l-proklama, kienx diskuss ukoll il-futur tal-Prim Ministru.

Diversi huma dawk l-entitajiet importanti, fosthom il-Kamra tal-Kummerċ, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem u anke unjins li ngħaqdu biex juru t-tħassib tagħhom għas-sitwazzjoni preżenti politika fil-pajjiż.

Apparti minn hekk, għad ta' protesti li ġew organizzati fl-aħħar jiem, sejħu għar-riżenja tal-Prim Ministru Muscat.

Muscat kemm-il darba qal li mhux se jerġa’ jikkontesta elezzjoni iżda anke kien qed jagħti x’jifhem li mhux beħsiebu jirriżenja fil-futur qrib.

Madanakollu, il-Prim Ministru biddel il-verżjoni tiegħu fl-aħħar jiem meta beda jisħaq li se jassigura li l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia tintemm sakemm hu jkun Prim Ministru.

Kemm ilu Prim Ministru Muscat, il-pajjiż esperjenza tkabbir ekonomiku kbir u daħħal diversi drittijiet ċivili. 

Madanakollu, l-amministrazzjonijiet tiegħu spiċċaw assedjati b’akkużi serji ta’ korruzzjoni, bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jheżżeż lill-pajjiż u lill-istess Gvern.

More in Politika