'Bħalissa, l-preżenza ta' Muscat hija l-akbar theddida għall-ġustizzja' - Delia

Il-Kap tal-PN jgħid li b'Muscat preżenti ma tista qatt issir ġustizzja għax persuna tant qrib tiegħu hija waħda ta' interess fil-qtil ta' Daphne 

Adrian Delia
Adrian Delia

Waqt messaġġ ftit tal-ħin ilu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna illi s-sitwazzjoni tal-preżent hija bla preċedent u għandha tkun indirizzata. "Isem pajjiżna qed isofri kull minuta li tgħaddi. Sal-Gvern Olandiż qed jistaqsi għandux jibqa' jafda lis-Servizzi Sigrieti Maltin," sostna Delia, f'referenza għal storja li ħarġet iktar kmieni llum fuq is-sit Lovin Malta dwar dak li qalu numru ta' deputati Olandiżi.

Delia sostna li Muscat mhux qed jinduna li hija l-preżenza tiegħu illi l-aktar li qed isservi ta' theddida bħalissa għall-ġustizzja, meta persuna tant qrib tiegħu hija waħda ta' interess f'dan il-qtil. Hu kien qed jagħmel referenza għal Keith Schembri li ilu sigħat sħaħ arrestat u interrogat mill-pulizija.

Il-Kap tal-PN sostna illi Muscat ma jista' qatt ikun parti minn din is-soluzzjoni u "kull minuta li tgħaddi tikber l-inġustizzja," saħaq Delia. "Il-Prim Ministru jeħtieġ jirreżenja kemm jista' jkun malajr," temm jgħid. 

More in Politika