Sa issa isem Keith Schembri ma jinstemax fir-recordings tat-telefonati bejn Fenech u Theuma

Yorgen Fenech allegatament ħallas €450,000 lit-tlett irġiel li qed ikunu akkużati li wettqu l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Is-Servizzi tas-Sigurtà Nazzjonali kienu qed isegwu l-konverżazzjonijiet telefoniċi bejn Yorgen Fenech u l-allegat intermedjarju fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, għal aktar minn sena.

Dan kien ikkonfermat mal-MaltaToday minn sorsi viċin l-investigazzjoni li spjegaw ukoll kif mit-telefonati interċettati, allegatament jirriżulta li Yorgen Fenech, permezz ta’ Melvin Theuma, ħallas €450,000 lit-tlett irġiel li qed ikunu akkużati li wettqu l-assassinju.

L-istess sorsi jgħidu li mit-telefonati li s-Servizz tas-Sigurtà kienu qed jinterċettaw, l-investigaturi sa issa għadhom ma elevaw l-ebda isem ta’ persuni oħra. Dan minkejja li Yorgen Fenech qiegħed jipponta subajgħ lejn Keith Schembri bħala l-mandant tal-qtil.

Minkejja dan, ilbieraħ, is-sit illum.com.mt tkellem ma’ sorsi infurmati li spjegaw kif il-Pulizija qed isibu diffikultà biex jemmnu l-verżjoni ta’ Fenech, anke għax diġà ta informazzjoni li l-Pulizija ma setgħetx tikkorraboraha bil-fatti kollha.

Fil-fatt, ilbieraħ filgħaxija, Keith Schembri ngħata l-ħelsien mill-arrest iżda mistenni jirritorna d-Depot illum biex iwieġeb għal aktar mistoqsijiet.

Qed ikun irrapportat ukoll li Schembri, allegatament, kien qed jorganizza l-ħarba ta’ Yorgen Fenech lejn Dubaj, ġimgħa qabel inqabad ħiereġ bil-jott minn Portomaso.

Hu mifhum, li t-telefonati li rrekordja Melvin Theuma meta tkellem ma' Fenech, jinsabu f’idejn il-maġistrat.

More in Politika