Żewġ maħfriet Presidenzjali, imma storja differenti: tiftakruh lil George Farrugia? (1)

Trafigura, Totsa, żejt u Austin Gatt. L-istorja tal-maħfra Presidenzjali lil George Farrugia fl-iskandlu tax-xiri taż-żejt

George Farrugia
George Farrugia

Din il-ġimgħa bdiet bl-aħbar illi Melvin Theuma, intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien lest li jixef informazzjoni fir-rigward ta’ dan id-delitt, wara li l-istess Theuma ġie arrestat mill-Pulizija. Il-Prim Ministru tkellem ftit wara u qal li lest jagħtiha din il-maħfra, basta Theuma jgħid u juri xi provi għandu. Muscat qal li għamel dan waħdu. 

F’serje ta’ żewġ artikli, il-gazzetta ILLUM qed tħares lejn l-aktar żewġ maħfriet Presidenzjali famużi fl-istorja politika kontemporanja, jiġifieri l-każ tal-allegazzjonijiet ta’ tixħim fix-xiri taż-żejt meta ngħata maħfra George Farrugia u l-ġimgħa d-dieħla nagħtu ħarsa lejn l-attentat ta’ qtil fuq l-Assistent Personali tal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami. 

L-aħħar maħfra presidenzjali ‘taħraq’ li ngħatat f’Malta kienet dik mogħtija lil George Farrugia, b’rabta mal-każ ta’ tixħim fix-xiri taż-żejt, liema każ bħal donnu ma jistax jara tmiem.

Farrugia kien ingħata l-maħfra presidenzjali fi Frar tal-2013 bil-għan li jikxef l-informazzjoni kollha li kien jaf dwar dan il-każ kbir li heżżeż mhux biss lill-Enemalta iżda lill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi, partikolarment lill-Ministru Austin Gatt.

Min hu George Farrugia? X’kien il-każ?

Kienet il-gazzetta oħt MaltaToday li f’Jannar tal-2013 żvelat kif il-kumpanija ġgant Trafigura għaddiet pagamenti, permezz ta’ kont bankarju Żvizzeru, lil kumpanija f’Ġibiltà li s-sid tagħha kien l-eks konsulent tal-Enemalta u l-eks Kap Eżekuttiv tal-MOBC Frank Sammut. Implikat ukoll fil-każ Tankred Tabone, dak iż-żmien Chairman tal-Enemalta.

Fil-qalba ta’ kollox, bħala intermedjarju, kien hemm George Farrugia, aġent tal-kumpaniji Trafigura u Totsa.

Emails u dokumenti tal-bank, fost oħrajn kollha jikxfu kemm in-negozjant George Farrugia kien lagħab parti importanti fid-deċiżjonijiet meħuda mill-Enemalta għax-xiri taż-żejt.

L-istess emails kienu juru kif il-kumpaniji ġganti taż-żejt Total u Trafigura kienu jaħdmu viċin ħafna ta’ uffiċjali għolja fl-Enemalta, Frank Sammut u Farrugia nnifsu.

George Farrugia mhux biss kien iżomm kuntatt mal-partijiet kollha, iżda anke ltaqa’ mal-uffiċjali tal-Enemalta u allegatament mal-eks Ministru Austin Gatt u rappreżentanti minn kumpaniji taż-żejt biex jassigura l-bejgħ lill-Enemalta.

Invoices minn Trafigura, ippubblikati mill-MaltaToday kienu juru kif anke Farrugia rċieva tixħim, imniżżla bħala “konsulenza,” għal bejgħ speċifiku ta’ żejt lill-Enemalta. Il-pagamenti kienu depożitati f’kont bankarju li Farrugia kellu fl-Iżvizzera.

F’waħda mill-emails Naeem Ahmed minn Trafigura jgħid hekk lil Farrugia: “As promised I have tried to increase the commission rates, I have been unsuccesful, so for all business for 2004 commissions it must remain 10% and will only increase to 15%for all new business for 2005.”

Jidher ukoll, kif jixhdu diversi emails u korrispondenzi, li l-istess Farrugia kellu għarfien estensiv fuq il-proċess tat-tendering fl-Enemalta.

Għaliex il-maħfra Presidenzjali? 

Farrugia ngħata l-maħfra presidenzjali xahar wara, bil-għan li jikxef l-informazzjoni kollha li kien jaf dwar tixħim u korruzzjoni fix-xiri taż-żejt.

Fil-fatt, George Farrugia kien żvela dak kollu li kien jaf dwar sistema ta’ tixħim li minnha bbenefikaw uffiċjali tal-Enemalta u anke “rigali” li rċevew xi uffiċjali responsabbli mill-proċess tal-privatizzazzjoni tad-diviżjoni tal-petroleum tal-korporazzjoni.

Deċiżjoni tal-Kabinett mhux tal-Prim Ministru ... 

Interessanti, li għall-kuntarju tad-deċiżjoni meħuda mill-Prim Ministru Joseph Muscat, fil-każ tal-allegat intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, id-deċiżjoni dwar il-maħfra presidenzjali mogħtija lil Farrugia ma kienx ħadha l-Prim Ministru Lawrence Gonzi waħdu, iżda kienet deċiżjoni tal-Kabinett.

Fil-fatt, stqarrija mill-Uffiċċju tal-President, kienet tgħid li Ġorġ Abela kien qed jimxi mar-rakkomandazzjoni li għamillu l-Kabinett u wara li ltaqa’ mal-Avukat Ġenerali Peter Grech u l-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo.

Lawrence Gonzi kien ta l-maħfra Presidenzjali wara laqgħa tal-Kabinett
Lawrence Gonzi kien ta l-maħfra Presidenzjali wara laqgħa tal-Kabinett

Dan kien ikkonfermat ukoll mill-eks Prim Ministru Gonzi meta kien qed jixhed quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi fejn spjega kif id-deċiżjoni dwar il-maħfra Presidenzjali ttieħdet waqt laqgħa tal-kabinett li saret tard billejl.

Għall-kuntrarju, il-Prim Ministru Joseph Muscat, fil-każ tal-allegat intermedjarju li lest jikxef informazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, stqarr li d-deċiżjoni kien qed jeħodha waħdu u mhux se jkun qed jiddiskutiha fil-kabinett. Fi kliemu, għandu delega ġenerali mill-kabinett fuq deċiżjonijiet simili.

Qal li minħabba preċedenti oħra li kien hemm f’każi ta’ maħfriet Presidenzjali, jemmen li għandu jerfa’ waħdu din ir-responsabbilità.

Il-maħfra ma ngħatatx bla kundizzjonijiet....

Il-maħfra Presidenzjali ma kinitx ingħatat mingħajr kundizzjonijiet. Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien spjega kif din ingħatat bil-patt u l-kundizzjoni li Farrugia jħallas lura d-dħul kollu illegali li rċieva, apparti pagament addizzjonali ta’ €250,000 lill-Gvern.

Dan il-pagament kellu jitħallas fi żmien ħamest ijiem.

George Farrugia kien imwissi li jekk ma jgħidx il-verità kollha jew inkella ma jħallasx lura l-profitti illegali li għamel, il-maħfra Presidenzjali kienet tkun revokata.

Anke fil-każ ta’ Caruana Galizia, il-maħfra Presidenzjali mhux se tkun qed tingħata mingħajr kundizzjonijiet. Il-Prim Ministru Muscat insista li din mhux se tingħata qabel mal-allegat intermedjarju jikxef l-informazzjoni kollha li din tkun ikkorraborata fil-Qorti.

George Farrugia seta’ tilef il-maħfra

Id-deċiżjoni ta’ Muscat li l-maħfra Presidenzjali ma tingħatax qabel il-kxif tal-informazzjoni u qabel l-informazzjoni tkun ikkorraborata fil-Qorti, tagħmel sens fid-dawl ta’ dak li kien ġara fil-każ ta’ George Farrugia.

Fil-fatt, fis-17 ta’ Marzu tal-2016, l-istess Prim Ministru Muscat kien qal li l-Gvern se jkun qed jara jekk jirrevokax il-maħfra Presidenzjali mogħtija lil George Farrugia u dan wara li l-Qorti ħelset lill-eks Kap tal-Proġetti tal-Enemalta Ray Ferris mill-akkużi ta’ frodi, korruzzjoni u aċċettazzjoni ta’ rigali.

Farrugia kien identifika lil Ferris bħala ‘laison officer’ għall-privatizzazzjoni tad-diviżjoni tal-petroleum tal-korporazzjoni u akkużah li kien talab €40,000 biex jinfluwenza l-proċess tal-għażla li l-istess Farrugia kellu interess dirett fih.

Fl-2015, Ferris kien inħeles mill-akkużi li xxaħħam permezz ta’ tliet rigali mingħand George Farrugia stess, bil-Qorti tal-Appell terġa’ tikkonferma deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati.

Farrugia kien qal ukoll li Ferris kien aċċetta platt tal-fidda, li jiswa eluf ta’ ewro. Madanakollu, fil-Qorti kien ħareġ li Ferris irċieva dan il-platt bħala rigal tal-Milied (mhux għax talab xi ħaġa hu) u li wara, hu stess mar fil-ħanut minn fejn inxtara biex iżid il-flus ma’ kemm kien jiswa l-platt biex ġab oġġett ta’ valur akbar.

Dwar il-possibilità li l-maħfra Presidenzjali tkun irrevokata, id-Deputat Jason Azzopardi, meta kien Shadow Minister għall-Ġustizzja, kien wissa li din tista’ tkun deċiżjoni perikoluża li fil-futur tiskoraġixxi kriminali milli jikxfu informazzjoni importanti mal-Pulizija.

Il-maħfra Presidenzjali qatt ma kienet ġiet irrevokata.

da maħfra Presidenzjali ma fissritx każmagħluq...

Bis-saħħa tal-maħfra Presidenzjali mogħtija lil Farrugia, tressqu l-Qorti numru ta’ persuni.

Madanakollu, anke jekk issa din il-maħfra ngħatat kważi seba’ snin ilu, ħafna mill-każijiet għadhom pendenti u l-każ għadu ma ngħalaqx.

More in Politika