'Il-ġustizzja mibnija fuq il-verità ... fejn ħadd ma jiskappa l-konsegwenzi ta' għemilu'

Dan qalu l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna waqt iċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana fis-Solennità ta’ Kristu Re

“Ħafna drabi ninsew is-sens veru tal-ġustizzja mibnija fuq il-verità, fuq is-saltna tad-dritt, fejn kulħadd jieħu li ħaqqu u ħadd m’għandu dritt jiskappa l-konsegwenzi tal-għemil tiegħu.”

Dan qalu l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna waqt iċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana fis-Solennità ta’ Kristu Re, li għaliha attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, inkluż il-President tar-Repubblika u rappreżentanti tal-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Monsinjur Scicluna silet ir-riflessjoni tiegħu mill-Evanġelju ta’ San Luqa, meta Kristu Msallab kien sfidat min-nies tal-liġi biex jinżelm minn fuq is-salib u juri min hu u sfidat ukoll mill-ħalliel il-ħażin imsallab miegħu.

Ħares lejn l-isfida li kienet ġejja min-nies tal-poter u hawn waqaf u rrifletta dwarha fit-tul.

Il-Mulej jeħlisna minn min juża s-setgħa tal-istat għall-vantaġġ personali tiegħu u jaħseb li hu fuq kulħadd, li l-ebda liġi ma tgħodd għalih, li jista’ joqtol, jisraq u jħawwel fejn irid

“It-tentazzjoni li ġejja minn din il-kategorija hija tan-nies li għandhom ċiniżmu kbir biżżejjed biex fl-użu tal-poter jidħku b’min hu batut. Il-poter għalihom huwa mezz ta’ qligħ u ma jħarsu lejn ħadd u lejn xejn,” saħaq l-Arċisqof. “Il-Mulej jeħlisna minn min juża s-setgħa tal-istat għall-vantaġġ personali tiegħu u jaħseb li hu fuq kulħadd, li l-ebda liġi ma tgħodd għalih, li jista’ joqtol, jisraq u jħawwel fejn irid.”

It-tieni riflessjoni tiegħu ħadha miċ-ċanfira tal-ħalliel it-tajjeb lill-ħalliel il-ħażin.

Kien hawn, li l-Arċisqof insista li l-veru sens tal-ġustizzja hija mibnija fuq il-verità, fejn kulħadd jieħu dak li ħaqqu.

“Aħna lesti f’isem Ġesù Kristu naħfru lil kulħadd,” saħaq l-Arċisqof. “Imma l-esiġenzi tal-ġustizzja ma nistgħux ninsewhom f’isem is-sewwa, f’isem id-dinjità tagħna bħala soċjetà, bħala nazzjon u bħala pajjiż,” insista Monsinjur Arċisqof.

Aqra hawn ir-riflessjoni kollha tal-Arċisqof.

More in Politika