Jibqa' jinsisti li deputati tal-backbench m'għandhomx jingħataw karigi f'entitajiet pubbliċi

Il-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler iwieġeb lil Mario Cutajar ... 

Fi stqarrija l-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler wieġeb lis-Segretarju Permenenti Ewlieni Mario Cutajar dwar ħatriet ta' back benchers f'entitajiet tal-Gvern kif ukoll xogħol mal-Gvern. 

Hyzer qal li ma jaqbilx mal-konklużjonijiet ta' Cutajar meta jgħid li s-separazzjoni tas-setgħat ma tantx tgħodd għal Malta għax mhuwiex parti mill-mudell Ingliż. Hyzler sostna li ma jaqbilx minħabba li jgħid illi fil-fatt dan il-kunċett huwa importanti fir-Renju Unit  tant li hemm limitu ta' Deputati li jistgħu jaqdu funzjonijiet mal-Gvern u l-Parlament fl-istess ħin.

"F’Malta, bħal fir-Renju Unit, kull gvern huwa kontabbli lejn il-Parlament u l-Parlament għandu jżomm lill-Gvern taħt skrutinju. Deputati backbenchers għandhom irwol ta’ skrutinju importanti ħafna, b’mod partikolari bħala membri tal-kumitati varji bħall-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi jew il-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi," ifakkar Hyzler. Hu jistaqsi kif deputat backbencher jista’ jagħti sehem ġenwin bħala membru ta’ kumitat bħal dawn jekk huwa dipendenti fuq il-gvern għall-għixien tiegħu.

Fl-istqarrija l-Kummissarju tal-Istandards ikompli jisħaq illi t-tqabbil ta' Cutajar bejn membru ta' bord u lettur ma jagħmilx sens. 

"Aktar jista’ jsir paragun bejn membru ta’ bord u uffiċjal għoli fis-servizz pubbliku, għax it-tnejn għandhom responsabbiltajiet ta’ tmexxija. Anki s-Segretarju Permanenti Ewlieni jaqbel li uffiċjali għolja fis-servizz pubbliku m’għandhomx ikunu deputati parlamentari."

Hyzler tenna illi hu se jibqa’ jemmen bis-sħiħ li l-ingaġġ tal-backbenchers mal-Gvern hija waħda mill-prattiċi li għandha tinqata’. Huwa jfakkar l-Kummissjoni ta’ Venezja esprimiet l-istess fehma meta qalet li "l-possibilitajiet ta' kontroll tal-backbenchers fuq il-Gvern jitnaqqsu jekk d-Deputati ikollhom inċentivi fiskali.

"Fir-rapport tiegħi ssuġġerejt li r-raġuni għalfejn daħlet il-prattika li d-deputati backbenchers kollha jiġu ngaġġati mal-Gvern hija bħala konsolazzjoni talli ma sarux ministri jew segretarji parlamentari, jew bħala kumpens għall-paga baxxa ta’ deputat. Ma stajt nara ebda raġuni oħra, ħlief forsi xewqa min-naħa tal-Gvern li jsaħħaħ il-kontroll tiegħu fuq il-backbench, temm jisħaq Hyzler. 

More in Politika