'Misskom tistħu tgħidu li intom soċjalisti ... ħarsu lejn Mintoff u baxxu raskom bil-mistħija'

Mijiet ta' nies jerġgħu jitlgħu l-Belt Valletta u jipprotestaw fl-isfond ta' palk bil-kelma 'mafja'

Il-folla ta' nies preżenti fil-Belt Valletta llejla
Il-folla ta' nies preżenti fil-Belt Valletta llejla

Meta kien qed jitkellem ilejla fi Pjazza Kastilja l-eks kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u eks xandar Norman Vella sostna li dan il-Gvern se jibqa' mfakkar bħala "l-aktar Gvern korrott li qatt kellu pajjiżna. U tista' mhux tikteb invictus fuq idejk, tista' mhux tpinġi Pilatus fuq naħa u t-tanker tal-gass fuq in-naħa l-oħra, għax se tibqa' mfakkar fl-istorja bħala l-politiku li pproteġa lill-korrotti." 

Vella kompla jgħid li fuq kollox dan iż-żmien se jibqa' mfakkar fl-istorja bħala ż-żmien li matulu inqatlet ġurnalista, "b'bomba mill-mafja".

Huwa semma' l-email minn Nexia BT li turi illi minn 17 Black għal kumpaniji fil-Panama Konrad  Mizzi u Keith Schembri kienu se jidħlu, allegatament, €5,000 kuljum, minn allegat operazzjoni ta' skart, fost oħrajn. "Daqs paga ta' ħaddiema, daqs pagi ta' ħaddiema li jaqilgħu f'numru ta' xhur, daqs il-pensjoni ta' sena, qed jaqilgħu kuljum, kuljum ... misskhom tistħu tgħidu li int soċjalisti. Ħarsu lejn  Mintoff u baxxu raskhom bil-mistħija," irbombja leħen Vella għaċ-ċapċip tal-mijiet preżenti. Huwa fakkar f'dak li kienu qalu Alfred Sant, Leo Brincat u Helena Dalli, "lanqas laħqu qabdu l-ajruplan li ma kinux diġa tradewh" sostna għall-fatt li Dalli kienet qalet fi Brussell waqt il-grilling li hi ma taqbilx u ma kinitx tiftaħ kumpaniji fil-Panama.

Huwa qal illi hemm ċans li l-qtil kien motivamat politikament u Keith Schembri u Konrad Mizzi għadhom fil-Gvern.

"Ejja noħolmu b'pajjiż immexxi minn politiċi onesti, Nazzjonalisti jew Laburisti. Pajjiż immexxi minn ġustizzja mhux min huwa l-aktar b'saħħtu iħawwel. Pajjiż fejn il-poplu huwa sovran ... taqtgħux qalbkom minn pajjiżkom," appella. 

Marion Pace Axiaq minn Repubblika sostniet li Daphne Caruana Galizia kellha raġun dwar 17 Black, dwar Yorgen Fenech, Chris Cardona, Keith Schembri u saħqert illi "fuq kollox kellha raġun fuq Joseph Muscat."

Hija indirizzat lill-folla dwar l-istqarrija tal-Prim Ministru li kien qal li m'għandu ebda informazzjoni li kien hemm politiċi mdaħħlin fil-qtil ta' Caruana Galizia u staqsiet, "int bis-serjetà? Mela qed taħseb li aħna kollha imzazen li ninxtraw b'xi fridge b'xejn jew xi promozzjoni?" staqsiet Pace Axiaq. 

Fid-diskors tiegħu llejla fi Pjazza Kastilja l-opinjonista u membru ta' Repubblika Manuel Delia qal illi minkejja li "wasalna l-aktar viċin li qatt wasalna" appella biex tinżamm il-kalma u biex dawk li qed imorru jipprotestaw ma jaqgħux għall-provokazzjoni. 

"Huwa mument delikat ħafna," ammetta Delia qabel kompla jinsisti  li l-ġustizzja llum qed tbati minħabba dak li sejjaħ indħil politiku. Hu kien qed jirrifletti dak li qalet il-familja Caruana Galizia li appellat lill-PM biex ma jkunx fiċ-ċentru tal-investigazzjoni. Minn naħa tagħhom huma kienu qed jirreferu għall-fatt li sa issa kien il-Prim Ministru, mhux il-Kummissarju tal-Pulizija li qed jagħti kummenti dwar l-aħħar żviluppi politiċi.

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

More in Politika