Fenech investigat mit-Taljani wkoll fuq korruzzjoni fl-isports u logħob tal-azzard ... lura fid-Depot

Il-midja fi Sqallija tirrapporta illi Yorgen Fenech qed ikun investigat dwar allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fi sports u logħob tal-ażżard

Wara li dalgħodu Yorgen Fenech ittieħed fuq il-jott f’Portomaso, fejn issoktaw it-tfittxijiet mill-investigaturi, is-sit illum.com.mt jista’ jikkonferma li Fenech reġa’ jinsab arrestat id-Depot.

Sorsi, viċin l-investigazzjoni, ikkonfermaw li l-Pulizija komplew jinterrogaw lil Fenech. Intant, is-sit tal-aħbarijiet La Sicilia qed jirrapporta li Yorgen Fenech qed ikun investigat ukoll dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fl-isports u logħob tal-azzard illegali fuq logħbiet tal-futbol.

L-investigazzjoni, bl-isem ta’ “Trenu del gol” waslet biex fost oħrajn ittieħdu proċeduri kriminali kontra l-eks President tal-klabb tal-futbol ta’ Katanja, Nino Pulvirenti. Isem Fenech feġġ ukoll f’din l-investigazzjoni u jidher, skont ir-rapport, li issa li ġie arrestat mill-awtoritajiet Maltin b’rabta mal-każ ta’ Caruana Galizia, anke l-investigaturi Taljani jridu jkellmuh.

X'ġara matul dan il-lejl eżatt?

Matul dan il-lejl Yorgen Fenech, li kien arrestat mill-Pulizija b'rabta mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia ingħata ħelsien mill-arrest bi skrutinju strett. Minn hemmhekk komplew iqumu l-irwiefen hekk kif bosta interpretaw dan bħala sinjal illi l-pulizija ma sabux biżżejjed provi. 

Filwaqt li dan jista' jkun minnu (ma nafux għax sa issa għadha ma saret l-ebda komunikazzjoni mal-midja mill-Pulizija) dan is-sit hawnhekk se jagħti ħarsa lejn x'ġara u ma ġarax dan il-lejl. 

  • Yorgen Fenech kien arrestat nhar il-Erbgħa filgħodu wara li d-dgħajsa tiegħu kienet interċettata mill-Forzi Armati ta' Malta 
  • Yorgen Fenech huwa sid ta' kumpanija żvelata l-ewwel minn Daphne Caruana Galizia, 17 Black. Iktar tard kien żvelat illi din il-kumpanija kienet klijent tal-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi. Fiha daħlu $1.6 miljun
  • Skont il-liġi l-pulizija jistgħu jżommu persuna taħt arrest sa mhux aktar minn 48 siegħa qabel ma jtellgħuh il-Qorti jew jirrilaxxawh
  • Ilbieraħ filgħaxija għal ħabta tat-8:30 p.m Fenech ingħata ħelsien mill-arrest taħt sorveljanza stretta
  • Dan probabilment ifisser illi għad m'għandhomx provi b'saħħithom biżżejjed biex jitressaq bħala akkużat
  • Minkejja dan il-liġi tagħti l-possibilità li persuna tingħata l-ħelsien għal numru ta' sigħat sakemm terġa tkun arrestata u interrogata mill-pulizija
  • Avukat li xtaq jibqa' anonimu qal li dan il-proċess diversi drabi, jiġifieri jista' jerġa jiġi arrestat u meħlus
  • Hu jgħid li dan jista' jiġri f'każi pjuttost ikkumplikati, bħal dan.
  • Dan ifisser li ladarba reġa qiegħed fid-depot, jekk ħareġ mandat ta' arrest, il-pulizija għandhom dritt iżommuh sal-Ħadd, qabel jerġgħu jagħtuh ħelsien mill-arrest, jekk ikun hemm bżonn

More in Politika