'Infakkru lill-PM li l-investigazzjoni timplika lill-uffiċċju tiegħu stess' - familja Caruana Galizia

Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia jgħidu illi l-PM għandu joqgħod 'il bogħod mill-investigazzjoni fil-qtil ta' Caruana Galizia għax nies qrib tiegħu jistgħu jkunu implikati

Pater Caruana Galizia | Ritratt James Bianchi
Pater Caruana Galizia | Ritratt James Bianchi

Fl-ewwel kumment uffiċjali mill-avvenimenti tal-arrest ta' Yorgen Fenech il-familja sejħu dan l-iżvilupp bħala wieħed 'importanti'. Huma sostnew iżda li jinsabu diżlillużi bil-fatt illi skontom "il-PM qed jieħu post ċentrali f'din l-investigazzjoni." Huma kienu qed jirreferu għall-fatt illi sa issa kien il-Prim Ministru biss li tkellem dwar l-iżviluppi fl-investigazzjoni u l-arrest ta' Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija reġistrata fid-Dubaj 17 Black. 

Ara x'qal dalgħodu l-Prim Ministru waqt konferenza tal-aħbarijiet

"Infakkru lill-Prim Ministru li l-investigazzjoni fl-assasnju ta' Daphne jimplika lill-uffiċċju tiegħu stess u lill-uffiċjali l-eqreb tiegħu," sostniet il-familja. Qabel qalet li dan postu mhux qrib l-investigazzjoni u li jemmnu illi se jżomm 'il bogħod minnha.

"Aħna lesti nużaw il-mezzi legali kollha disposti biex nassiguraw illi l-investigazzjoni tkun indipendenti u imparzjali," sostniet il-familja. "Wisq nies ħadmu għal wisq żmien għal ġustizzja. Il-Prim Ministru m'għandux iwaqqaf, f'attentat finali, ġustizzja sħiħa lil Daphne Caruana Galizia."

Illum qed ikompli l-iżviluppi fir-rigward ta' Yorgen Fenech illi dalgħodu kien Portomaso mal-pulizija hekk kif reġa kien arrestat wara li lbieraħ ingħata ħelsien mill-arrest għal ftit ħin, taħt sorveljanz stretta.

Dalgħodu wkoll kien irrapportat illi l-intermedjarju jew sensar f'dan l-assasinju daħal l-isptar għalkemm Muscat qal li m'għandu xejn serju. 

More in Politika