Filmat | L-arrest ta' Fenech ma kellux x'jaqsam ma' informazzjoni mogħtija mill-allegat intermedjarju

Il-Prim Ministru jisħaq li għadhom għaddejin in-negozjati dwar il-maħfra presidenzjali

L-arrest ta’ Yorgen Fenech ilbieraħ ma kellux x’jaqsam ma’ informazzjoni mogħtija minn dak li qed jissejjaħ l-intermedjarju fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan ikkonfermah il-Prim Ministru Joseph Muscat li qal ukoll li għadhom għaddejin id-diskussjonijiet mal-avukati tal-persuna li qed tinżamm mill-Pulizija, dwar il-maħfra presidenzjali.

Muscat għadda lill-avukati tal-allegat intermedjarju l-ittra li ffirma u li permezz tagħha qed jintrabat li jirrakkomanda l-maħfra presidenzjali jekk ir-raġel jagħti l-informazzjoni kollha li għandu dwar il-qtil tal-ġurnalista.

Il-Prim Ministru qal dan waqt li kien qiegħed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li indirizza konferenza fil-lukanda Excelsior.

Filwaqt li reġa’ appella għall-kawtela u l-kalma, qal li l-Avukat Ġenerali u l-Pulizija għadhom qed jaraw kif jistgħu jestendu t-48 li matulhom persuna tista’ tinżamm arrestata.

“Dan ma jfissirx li hekk se jsir iżda rridu nistennew l-iżviluppi,” qal Muscat.

Mistoqsi mill-ġdid x’se jagħmel b’Keith Schembri u Konrad Mizzi, wara l-protesta tal-bieraħ, Muscat qal li d-deċiżjonijiet se jeħodhom wara li jkun solvut il-każ ta’ Caruana Galizia.

Midja lokali u internazzjonali kienu żvelaw li Schembri u Mizzi kellhom arranġamenti ma’ Fenech biex permezz tal-kumpanija tiegħu 17 Black, jirċievu flus fil-kumpaniji tagħhom fil-Panama.

Ilbieraħ, ftit wara l-arrest ta’ Fenech, Muscat qal li sa issa ma hemm l-ebda indikazzjoni li hemm politiċi involuti fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Intant Fenech, li r-rabta tiegħu mal-każ ta’ Caruana Galizia għadha mhux ċara, inżamm arrestat matul il-lejl.

Huwa u jirreaġixxi għall-protesta ħarxa quddiem il-Parlament, li matulha d-dimostranti ħebbew għall-vettura tal-Ministru Owen Bonnici, Muscat reġa’ appella għall-kalma, waqt li saħaq li dawk li lbieraħ inġabru jipprotestaw u l-azzjonijiet tagħhom ma jirrappreżentawx lil dawk li jistgħu jkunu kritiċi tal-Gvern.

Temm jisħaq li kien hemm omiċidji oħra kbar fil-pajjiż li Prim Ministri qalu li jafu min wettaqhom, iżda li sal-lum għadhom misteru. 

“B’kuntrast ta’ dan, il-każ ta’ Caruana Galizia wasal biex ikun solvut fi żmieni,” insista Muscat.

Aqra wkoll dak li seħħ ilbieraħ:

More in Politika