L-Ispeaker jesiġi li jittieħdu passi legali kontra dawk li ħebbew għall-karozza tal-Ministru Bonnici

L-Ispeaker Anġlu Farrugia saħaq li dan jikkostitwixxi reat kontra l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, saħaq li se jassigura li jittieħdu passi kontra dawk li lbieraħ ħebbew għall-karozza li fiha stkennew il-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia malli ħarġu mill-Parlament ilbieraħ.

Fi stqarrija, l-Ispeaker saħaq li “jinnota b’dispjaċir” li deputati ġew imfixkla u insulentati waqt li kienu ħierġa mill-Parlament.

“Is-Sedja tara li għandhom jittieħdu l-passi fil-konfront ta’ dawk il-persuni li eċċedew il-limitu u kissru l-liġi b’mod manifest, inkluż bi vjolenza u danni volontarji fil-konfront tar-rappreżentanti tal-poplu,” saħaq Farrugia.

Insista li l-aġir “xejn irreponsabbli” jista’ jiġi meqjus ukoll li jikkostitwixxi reat kontra l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati (Kap. 113).

Folla li nġabret tipprotesta kontra l-korruzzjoni, daru għall-karozza tal-Ministru Owen Bonnici malli hu u Aaron Farrugia ħarġu mill-Parlament. Il-folla ma ħallitx il-vettura timxi, tant li weġġgħu żewġ uffiċjali tal-Pulizija.

Aqra hawn dwar ir-reazzjoni ta' Bonnici u Farrugia.

More in Politika