Filmat | 'Ir-riforma dwar l-użu personali tal-kannabis għalissa mhijiex fuq l-aġenda tal-Gvern'

Fil-Manifest Elettorali tiegħu, il-Partit Laburista wiegħed li jirriforma l-liġijiet dwar il-kannabis rikreattiva

Ir-riforma dwar l-użu personali tal-kannabis mhijiex fuq l-aġenda kurrenti tal-Gvern. 

Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti tal-MaltaToday waqt li kien qed iżur il-preparazzjonijiet għall-Forum Dinji dwar il-Kannabis Mediċinali li se jsir għada f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.

Mistoqsi dwar il-każ ta’ mara li weħħlet sitt xhur ħabs għax inqabdet tkabbar pjanta waħda tal-kannabis għall-użu personali, il-Ministru saħaq li għandu l-opinjoni personali tiegħu dwar is-suġġett iżda naqas milli jgħid x’inhi, għax fi kliemu jitkellem f’isem il-Gvern.

"Jiena qiegħed hawn bħala ministru, mhux bħala ċittadin. Irrid inwieġeb skont l-aġenda u l-istrateġija tal-Gvern,” saħaq Cardona.

Madanakollu, Cardona insista li għalissa din mhijiex fuq l-aġenda tal-Gvern.

Fil-Manifest Elettorali tiegħu, il-Partit Laburista wiegħed li jirriforma l-liġijiet dwar il-kannabis rikreattiva, bil-Prim Ministru Joseph Muscat stess jitkellem u jgħid li hu favur.

Din ir-riforma qed titmexxa mis-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli.

Farrugia Portelli kienet qalet li qabel ma jmexxi fuq din ir-riforma, il-Gvern se jkun qed iniedi kampanja edukattiva fost it-tfal u ż-żgħażagħ biex ikunu aktar mgħarrfa dwar il-perikli tad-droga.

More in Politika