L-UE se tingaġġa 10,000 gwardja tal-fruntiera hekk kif daħlet fis-seħħ il-liġi ta' Metsola

Apparti minn hekk, l-istess liġi se tfisser miżuri ġodda biex itejbu r-ritorn tal-immigranti

Ġiet iffirmata l-liġi tal-Unjoni Ewropea li kienet miktuba u nnegozjata mill-Membri Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, liema liġi se tkun qed tiggarantixxi 10,000 gwardja ġdida tal-fruntiera fil-fruntieri esterni tal-Ewropa

“Din il-liġi l-ġdida tfisser li, minkejja li ltqajna ma kull xorta ta’ ostakli, wasalna biex issa għandna forza ġdida ta' 10,000 gwardja tal-fruntiera u persunal operattiv għall-preżent u għas-snin li ġejjin. Dan huwa l-ammont li għandna bżonn biex inħarsu l-fruntieri tagħna, nagħtu spinta lill-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali, niżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u ngħinu fl-immaniġġjar tal-immigrazzjoni,” qalet Metsola fl-ewwel reazzjoni tagħha.

Metsola saħqet li l-UE jeħtieġ li tiżgura l-fruntieri esterni tagħha u tassigura li l-Istati Membri jerfgħu r-responsabbilitajiet tagħhom.

“Naturalment, din mhijiex l-unika soluzzjoni li ser issolvi kollox, imma hija pass meħtieġ li għandu jittieħed id f’id ma’ oħrajn. B’dan il-pass importanti, f’każ ta' kriżi simili bħal dik li rajna fl-2015, pajjiżi fil-fruntieri esterni, inklużi pajjiżi bħal Malta, jistgħu jitolbu l-iskjerament tal-forza ta' intervent rapida biex tgħin u ttaffi l-piż minn fuq pajjiżi tal-fruntiera,” kompliet Metsola.

Apparti l-gwardji, l-liġi tfisser ukoll li se titjieb l-effettività tal-operazzjonijiet ta' ritorn tal-UE għal dawk in-nies li mhumiex eliġibbli għall-protezzjoni.

“Din l-aġenzija l-ġdida issa ser tgħin lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta' immigranti irregolari, tgħin fil-valutazzjoni u l-akkwist ta' dokumenti tal-ivvjaġġar u tgħin fir-ritorn tagħhom lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom,” temmet tgħidMetsola.

More in Politika