Il-PN b'mozzjoni parlamentari biex jitkeċċa Keith Schembri ... Delia se jattendi l-protesta tas-Sibt

Delia jisħaq li l-Prim Ministru qed jipprova jħawwad bejn responsabbilità legali u responsabbilità politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista laqqa' l-Grupp Parlamentari biex jiddiskuti mozzjoni ta’ sfiduċja fiċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Din il-mozzjoni ġiet ippreżenata lill-Ispeaker Anglu Farrugia llejla mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius u l-Whip Robert Cutajar. 

Waqt il-konferenza li saret wara, Delia saħaq li l-Prim Ministru jeħtieġ jerfa' r-responsabbilità u jkeċċi lil Keith Schembri."

Fil-kummenti tiegħu, filwaqt li appella biex din il-mozzjoni tkun diskussa b'urġenza, insista li Muscat qed jipprova jħawwad bejn responsabbilità legali u responsabbilità politika.

Delia aċċenna għall-fatt li din il-mozzjoni ġiet maqbula b'mod unanimu mill-Grupp Parlamentari.

Intant, il-Kap Nazzjonalista ħabbar li se jkun qed jattendi għall-protesta kontra l-korruzzjoni li se ssir nhar is-Sibt li ġej. Din hija l-protesta qed tkun organizzata minn Repubblika.

Il-mozzjoni tressqet wara li nhar it-Tnejn li għadda, Schembri waqqa’ libell kontra Simon Busuttil bil-għan li ma jweġibx mistoqsijiet fuq il-kumpanija 17 Black.

Schembri baqa’ jinsisti biex ma jweġibx minkejja li l-Qorti wissietu diversi drabi waqt l-istess seduta biex iwieġeb.

Huwa saħaq li għandu parir legali biex ma jweġibx fil-miftuħ dwar materja li dwarha għaddejin inkjesta maġisterjali, bi Schembri jinvoka d-dritt tas-silenzju.

"Ħassejt li fil-proċeduri tal-llum, setgħu jiġu ppreġudikati d-drittijiet fundamentali u Kostituzzjonali tiegħi minħabba li għaddejjin Inkjesti Maġisterjali mitluba mill-istess Simon Busuttil," kien kiteb Schembri fi stqarrija.

Aqra wkoll:

More in Politika