L-MEP David Casa jappella għal soluzzjoni Ewropea kontra l-iSLAPP

L-iSLAPP huma kawżi li jsiru f'ġurisdizzjoni barranija biex l-ispiża tal-istess kawża tkun tiswa tant li taqta' qalb il-ġurnalist li jkun qed jikteb l-istorja jew jikxef fatt.

Meta kien qed jitkellem ma' esperti fil-Parlament Ewropew (PE) il-kwestur tal-PE u MEP Malti David Casa sostna li ma tagħmilx sens illi l-Gvern Malti jgħid li hemm bżonn soluzzjoni fuq l-ISLAPP biex imbagħad, "il-Kummissjoni Ewropea tgħidilna li m’hemmx bażi legali biex hi tieħu azzjoni u allura huma l-gvernijiet tal-istati membri li għandhom jieħdu azzjoni. Dan għandu jintemm. Soluzzjoni Ewropea hi ġġustifikata u meħtieġa."

L-iSLAPP huma kawżi li jsiru f'ġurisdizzjoni barranija biex l-ispiża tal-istess kawża tkun tiswa tant li taqta' qalb il-ġurnalist li jkun qed jikteb l-istorja jew jikxef fatt. SLAPP jista' jfisser illi l-ġurnalist jew il-Kamra tal-Aħbarijiet tħallas eluf kbar ta' flus f'libell, ammonti li jistgħu jkissru dik il-kamra tal-aħbarijiet finanzjarjament. 

Casa fakkar illi kawżi simili ntużaw f'Malta, fosthom kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kif ukoll numru ta’ gazzetti u siti oħrajn. "Bħalissa hemm aktar minn 47 kawża kontra Daphne Caruana Galizia, li l-familja tagħha qed ikollhom jiffaċċjaw kontinwament."

Casa laqa' l-analiżi ta' espert legali, ippreżentata minn Justin Borg-Barthet, li stabbilixxa miżuri konkreti li jistgħu jittieħdu biex jindirizzaw il-prattiċi SLAPP. Ingħad ukoll li wieħed jista’ jqis emendi fil-liġijiet tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-għażla tal-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli f’każijiet ta’ defamazzjoni.

"Issa għandna bażi konkreta li fuqha nistgħu nsawwru l-ħidma tagħna", sostna Casa.

Hu ddikjara li l-progress s’issa kien kajman wisq u talab lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida biex iżżid l-isforzi tagħha f'dan il-qasam.

"Ir-rieda politika biex tinstab soluzzjoni kienet ftit wisq mill-Kummissjoni li ser tispiċċa dalwaqt. Dan il-Parlament huwa impenjat li jtemm it-theddid fuq il-ġurnalisti permezz ta' dawn it-tattiċi qarrieqa. Nisperaw li l-Kummissjoni l-ġdida, fl-aħħar, tieħu l-azzjoni li aħna ilna nitolbu.

More in Politika