Johnson jista’ jserraħ rasu jew ġejja falza stikka oħra? L-ILLUM tħares lejn is-sondaġġi

Bħal-lum xahar inkunu nafu minn rebaħ. Il-gazzetta ILLUM tħares lejn is-sondaġġi, it-tħassib tal-poplu Brittaniku, il-messaġġi taż-żewġ partiti ewlenin u kif dak li ġara fl-aħħar xhur jista’ jaffetwa r-riżultat...

Bħal-lum xahar inkunu nafu minn rebaħ wara li r-Renju Unit ikun ivvota f’elezzjoni ġenerali bikrija bil-għan li jagħti rigal lilu nnifsu u jinqala’ mill-kriżi politika li spiċċa ostaġġ tagħha għal aktar minn sena.

Ftit aktar minn ġimgħa wara li sar magħruf li r-Renju Unit se jivvota fit-12 ta’ Diċembru u ftit jiem wara li r-Reġina Eliżabetta II xoljiet uffiċjalment il-Parlament, ġew ippubblikati diversi sondaġġi u sa issa kollha kemm huma qed ibassru rebħa b’saħħitha u ċara għall-Partit Konservattiv tal-Prim Ministru Boris Johnson.

Iżda l-elezzjoni hija kaxxa magħluqa. Ma ninsewx li meta fl-2017 Theresa May sejħet elezzjoni ġenerali bikrija biex mingħaliha ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-Gvern fil-Parlament, għax hekk kienu qed ibassru s-sondaġġi, ir-Renju Unit spiċċa b’Parlament staġnat li wassal għall-kriżi li r-Renju Unit għaddej minnha bħalissa.

Fil-fatt, ta’ min isemmi, li meta May sejħet elezzjoni ġenerali, is-sondaġġi kienu qed ibassru differenza ta’ 21% bejn il-Partit Konservattiv u l-Partit Laburista, l-akbar distakk mill-1983. Ir-riżultat kien għal kollox differenti. Id-distakk bejn iż-żewġ partiti l-kbar kien ta’ 2.4% biss, bil-Partit Laburista jagħmel qabża ’l quddiem u jżid 30 siġġu fil-Parlament, kontra t-13 li tilfet May.

Waħedha toħroġ il-mistoqsija: Mela allura għalfejn isiru s-sondaġġi? Fil-ħin tal-vot kulħadd waħdu jkun, iżda jibqa’ l-fatt li s-sondaġġi joffru tieqa fuq l-opinjoni pubblika u anke jekk ma tistax torbot dejjem fuqhom, xorta waħda jinfluwenzaw id-diskors politiku mhux biss tal-midja, iżda anke tal-partiti nfushom.

Vantaġġ komdu għall-Partit Konservattiv

Ġimgħa wara li l-Parlament Ingliż qabel dwar elezzjoni ġenerali fit-12 ta’ Diċembru, is-sondaġġi kollha qed ibassru rebħa komda għall-Partit Konservattiv. Ġaladarba s-sondaġġi kollha huma simili, f’dan l-artiklu, l-ILLUM se tħares lejn is-sondaġġi li jsiru minn żmien għal żmien minn YouGov, kumpanija stabbilita li tagħmel diversi sondaġġi xjentifiċi globalment, inkluż għall-ġurnalisti stabbiliti. 

L-aħħar sondaġġ li sar bejn il-5 u 6 ta’ Novembru, ipoġġi lill-Partit Konservattiv b’vantaġġ ta’ 11% fuq il-Partit Laburista. 

Fil-fatt, kieku kellha ssir elezzjoni llum, skont YouGov, il-Partit ta’ Johnson jirbaħ 36% tal-voti filwaqt li l-Partit Laburista jikseb 25%. 

Interessanti kif minkejja li l-Parlament Ingliż huwa ffurmat minn diversi partiti, il-kultura politika hija simili ħafna għal dik ta’ Malta, jiġifieri qasma bejn blu u aħmar. Madanakollu ta’ min isemmi kif Sir John Curtice, espert tal-elezzjonijiet, li bassar Brexit u anke r-riżultat tal-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali, jiġifieri tal-2015 u l-2017, qed jisħaq li f’Diċembru li ġej il-Parlament Ingliż jista’ jara numru rekord ta’ deputati minn partiti żgħar.

Sa issa, dan ma tantx huwa rifless fis-sondaġġi. Il-Liberali Demokratiċi qed igawdu l-fiduċja ta’ 17% tal-votanti, il-Partit ta’ Brexit 11%, il-Ħodor 5%, l-SNP (Scottish National Party) 4% filwaqt li partiti oħra iżgħar igawdu l-appoġġ tal-bqija tal-votanti.

Elezzjoni bejn il-mexxejja aktar milli partiti

Simili għal dak li jiġri f’Malta, l-elezzjoni ta’ Diċembru li ġej, aktar milli elezzjoni bejn il-Partit Konservattiv u l-Partit Laburista, se tkun elezzjoni bejn il-mexxejja. Minkejja dak li jgħidu fuqu u l-immaġini tiegħu, Boris Johnson igawdi ħafna aktar fiduċja minn Jeremy Corbyn, il-mexxej Laburista.

Fil-fatt, 43% jħarsu lejn Boris Johnson bħala l-aktar persuna ideali biex tkun Prim Ministru. 20% biss jaħsbu l-istess dwar Jeremy Corbyn. Dwar dan inkomplu nitkellmu aktar ’il quddiem fl-artiklu. 

X’effett se jkollu Brexit fit-12 ta’ Diċembru?

Ma għandniex xi ngħidu. Ir-Renju Unit jinsab fejn jinsab propju minħabba Brexit. Ir-Renju Unit ivvota biex jitlaq iżda l-ftehim innegozjat mal-Unjoni Ewropea, kemm minn Theresa May u riċentament minn Boris Johnson weħel fil-Parlament u wassal biex Brexit ikun estiż aktar minn darba, biex issa suppost iseħħ sal-31 ta’ Jannar.

X'qed juru s-sondaġġi bħalissa
X'qed juru s-sondaġġi bħalissa

Fil-fatt, skont is-sondaġġ tal-YouGov u anke sondaġġi oħra, Brexit hija l-aktar kwistjoni li qed tinkwieta lill-Brittaniċi. Skont YouGov, 70% tal-votanti huma l-aktar imħassba bi Brexit, iżda s-setturi tas-saħħa, l-ambjent u l-ekonomija huma wkoll kwistjonijiet li n-nies qed titkellem dwarhom.

Fid-dawl ta’ dan wieħed jistenna li Brexit se jkun kruċjali f’din l-elezzjoni, iżda l-partiti ma jistgħux jinsew kwistjonijiet oħra li dwarhom il-poplu huwa mħasseb.

Il-messaġġi u l-viżjoni (jew in-nuqqas tagħha) tal-partiti

Hawn tajjeb inħarsu ftit lejn il-mottos taż-żewġ partiti l-kbar li juru wkoll it-toroq differenti li mistennija jieħdu f’din il-kampanja elettorali. 

L-għajta tal-Partit Konservattiv hija: ‘Get Brexit Done. Unleash Britain’s Potential’ (Inwettqu Brexit. Nisfruttaw il-Potenzjal tar-Renju Unit). Mill-banda l-oħra, il-Partit Laburista qed isejjaħ għall-bidla, bi Brexit ma jidher imkien fit-tema tiegħu: ‘It’s Time for Real Change’ (Wasal iż-Żmien għal Bidla Vera).

Nibdew bil-Partit ta’ Boris Johnson. Jagħmel tajjeb il-Partit Konservattiv li jisħaq dwar Brexit. Il-pożizzjoni tiegħu, għall-kuntrarju tal-Partit Laburista, hija waħda ċara, jiġifieri li Brexit iseħħ malajr kemm jista’ jkun. Jidher li fehem ukoll il-messaġġ li hemm kwistjonijiet oħra imporanti, li l-votanti se jkunu qed iħarsu lejhom fit-12 ta’ Diċembru.

Ma ninsewx. Theresa May ħasbet li Brexit se tkun l-unika tema fl-elezzjoni bikrija tal-2017. Ħasbet li l-votanti qed jaħsbu biss fuq Brexit. Kienet żbaljata u r-riżultat kien wieħed ċar. Boris Johnson irid joqgħod attent li ma jagħmilx l-istess żball.

Mill-banda l-oħra, wieħed għad irid jara jekk kienx għaqli li l-Partit Laburista imur fl-estrem l-ieħor u jevita l-kelma Brexit għalkollox. Ma tantx tgħin biex tingħeleb il-perċezzjoni li l-Partit Laburista huwa nieqes mill-viżjoni dwar waħda mill-akbar kwistjonijiet li qed jiffaċja r-Renju Unit, sitwazzjoni li tfakkarna ftit f’dak li jingħad f’Malta għall-Oppożizzjoni u l-kwistjoni tal-barranin u l-immigranti. 

Fil-fatt, skont sondaġġi, 65% tal-votanti ma jafux eżatt x’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Laburista u Jeremy Corbyn dwar Brexit, anke jekk l-inċertezza testendi għas-setturi l-oħra kollha diskussi.

Ta’ min isemmi kif filwaqt li Boris Johnson għandu ftehim f’idu u jrid li Brexit iseħħ sal-31 ta’ Jannar, jekk jista’ jkun qabel, Jeremy Corbyn wiegħed li jsolvi l-kwistjoni ta’ Brexit fi żmien sitt xhur. 

Fil-fatt, anke jekk ma qalx jikkampanjax favur jew kontra, Jeremy Corbyn qed iwiegħed it-tieni referendum dwar Brexit. U hawn tqum mistoqsija oħra. Jekk Corbyn lest joffri t-tieni referendum dwar Brexit, lest jagħmel l-istess dwar ir-referendum għall-indipendenza tal-Iskozja? 

Anke jekk l-Ewwel Ministru Skoċċiż Nicola Sturgeon trid u hija konvinta li Corbyn jaċċetta t-tieni referendum, Corbyn għadu ma ċċarax il-pożizzjoni tiegħu. La jaf hu, aħseb u ara kemm nafu aħna. Wieħed għad irid jara wkoll x’effett dan jista’ qatt ikollu fuq l-appoġġ għall-Partit Laburista.

L-aħjar fost l-agħar...

Dawn il-ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba dwar il-viżjoni u l-pożizzjoni tal-Partit Laburista Ingliż jistgħu jkunu r-raġuni wara dak li qed juru s-sondaġġi. 

Minkejja li ħafna mhumiex kuntenti bit-tmexxija tal-Gvern Ingliż (mhux biss dwar Brexit), minkejja li ftit li xejn hemm tama fost l-elettorat li l-affarijiet imorru għall-aħjar anke jekk jerġa’ jirbaħ il-Partit Konservattiv u minkejja li l-Brittaniċi lanqas mhuma kuntenti bil-mod kif il-Gvern iffaċċja Brexit (72% iwieġbu fin-negattiv), Boris Johnson huwa fdat aktar minn Jeremy Corbyn u l-Partit Konservattiv qed jiġri ’l quddiem. 

Kif ngħidu, jista’ jkun li l-Ingliżi se jkollhom jagħżlu l-aħjar fost l-agħar.

Intant, matul ix-xahar li ġej, il-gazzetta ILLUM se tkun qed issegwi l-kampanja elettorali fir-Renju Unit, il-messaġġ taż-żewġ mexxejja, l-aħħar żviluppi u kif dawn ikunu qed jaffetwaw is-sondaġġi tal-opinjoni pubblika. 

More in Politika