Il-Qorti żżid is-sigurtà fuq it-traskrizzjoni tal-interrogazzjoni ta' George Degiorgio

L-Imħallef Toni Abela kompla jisma' l-każ kostituzzjonali miftuħ minn Degiorgio u li fih qed jikkontesta l-legalità tat-telefonati interċettati

George Degiorgio
George Degiorgio

L-Imħallef Toni Abela, li qed jisma’ l-każ kostituzzjonali miftuħ minn George Degiorgio u li fih qed jikkontesta l-legalità tat-telefonati interċettati, ordna li t-traskrizzjonijiet sottomessi fil-każ għandhom ikunu aċċessibbli biss għall-partijiet fil-każ.

Fis-seduta tal-ġimgħa li għaddiet, l-Avukat ta’ Degiorgio, William Cuschieri, qal lill-Qorti li kien beħsiebu jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija, lill-Kap tas-Servizzi Sigrieti u anke lill-Ispettur Keith Arnaud biex jixhdu f’dan il-każ.

Fi proċeduri separati, Degiorgio, fimkien ma’ ħuh Alfred u Vince Muscat qed ikunu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Degiorgio fetaħ dan il-każ li nstema’ llum biex jistaqsi l-validità tal-liġijiet dwar it-telefonati interċettati, waqt li saħaq li l-Prosekuzzjoni fil-każ ta’ Caruana Galizia tkellmet dwar dawn it-telefonati, mingħajr ma ppreżentathom mal-evidenza.

L-akkużat kien l-ewwel ressaq protest ġudizzjarju f’Awwissu li għadda biex il-Prosekuzzjoni tippreżenta t-telefonati u t-traskrizzjonijiet lill-Qorti u wara fetaħ każ kostituzzjonali li fih qed jistaqsi kemm it-telefonati interċettati humiex legali.

L-Avukat Cuschieri llum ma kienx preżenti għas-smigħ, iżda l-Qorti infurmat lill-partijiet li d-Direttur tal-Qrati Kriminali għadda t-traskrizzjonijiet tal-interrogazzjoni ta’ Degiorgio mill-kumpilazzjoni tal-evidenza, kif mitlub mill-avukat.

Dawn id-dokumenti kienu personalment mgħoddija lill-Imħallef f’envelops issiġillati u li nfetħu fil-preżenza taż-żewġ partijiet waqt is-smigħ tal-lum.

Il-Qorti spjegat kif minħabba ordni li tat il-Qorti Kriminali fit-8 ta’ Novembru, dawn id-dokumenti kellhom ikunu aċċessibbli biss għall-partijiet fil-każ.

Il-każ ikompli fit-22 ta’ Novembru.

More in Politika