'Meta ċeda quddiem il-Qorti Keith Schembri ammetta li jien kelli raġun' - Simon Busuttil

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni jisħaq li lbieraħ Keith Schembri ammetta li ma jistax jiċħad allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħaq li meta Keith Schembri ‘ċeda’ quddiem il-Qorti dan ifisser ħaġa waħda biss, jiġifieri li dak li hu qal waqt il-protesta kontra l-koruzzjoni f’Marzu tal-2016 kien minnu.

“Ma jista’ jkun hemm l-ebda spjegazzjoni oħra,” kiteb Simon Busuttil f’opinjoni fuq The Times of Malta.

Waqt li spjega pass pass dak li wassal biex Keith Schembri kien fetaħ il-libell kontrih, Simon Busuttil saħaq li f’20 sena ta’ servizz pubbliku qatt ma esperjenza xi ħaġa simili bħal tal-bieraħ.

“Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministu effettivament ammetta fil-Qorti li ma jistax jiċħad allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni għolja,” insista Simon Busuttil.

Kompla jinsisti li l-innoċenti ma jaħarbux mill-ġustizzja. “Dawk biss li mhux kapaċi jiġġustifikaw lilhom infushom jaħarbu,” insista Busuttil.

Kien għalhekk li saħaq li dan ma jħalli l-ebda triq oħra għal Schembri ħlief li jirriżenja.

Iżda ma waqafx hawn. Insista li anke l-Prim Ministru ma għandu l-ebda għażla oħra għajr li jerfa’ r-responsabbilità politika għall-fatt li, fi kliem Busuttil, iċ-Chief of Staff tiegħu ma kienx kapaċi jnaddaf ismu minn akkużi serja ta’ korruzzjoni.

“Pajjiżna ma jistax jibqa’ mmexxi minn klikka korrotta li issa, effettivament ammettiet li hija korrotta. Wasal iż-żmien li jirriżenjaw,” temm jgħid Busuttil.

Ilbieraħ, Keith Schembri saħaq li ma kellux għażla oħra ħlief li jwaqqa’ l-libelli wara li l-avukati tiegħu tawh parir biex ma jweġibx fil-miftuħ mistoqsijiet fuq materja li dwarha għaddejja inkjesta maġisterjali.

Aqra wkoll:

More in Politika