Jisħqu li t-toroq u l-mini li se jinbnew f'Pembroke u s-Swieqi se jservu biss lill-iżviluppaturi l-kbar

Ħmistax-il NGO jappellaw biex titjib infrastrutturali isir biex iservi lill-poplu u mhux biex jinqdew l-iżviluppatur

Ħmistax-il NGO ngħaqdu mar-residenti ta’ Pembroke u s-Swieqi biex jikkundannaw il-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta biex jinbnew numru ta’ mini u toroq u li fi kliemhom se jservu biss lill-iżviluppaturi l-kbar

Fi stqarrija, l-għaqdiet saħqu li dawn il-pjanijiet inżammu mistura mill-pubbliku sal-aħħar minuta qabel ma’ nfetaħ il-perjodu għall-oġġezzjonijiet, liema żmien ma kienx biżżejjed biex wieħed jifhem l-implikazzjonijiet tagħhom.

“Issa li ġew żvelati, qed jidher iktar ċar li dan il-proġett ftit li xejn se jservi biex itaffi l-problemi serji tat-traffiku li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-residenti. Minflok, il-parti l-kbira ta’ dawn il-mini u toroq huma ddisinjati biex jaqdu lill-iżviluppaturi l-kbar u l-ambizzjonijiet tagħhom għal proġetti mostrużi fiż-żona, primarjament fosthom il-proġett tad-db Group fuq is-sit fejn qabel kien hemm l-ITS,” saħqu l-għaqdiet.

Spjegaw kif skont il-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta, l-aċċess għal Pembroke u s-Swieqi mhu ħa jitħaffef bl-ebda mod u t-traffiku se jibqa’ hemm.

Qalu li l-proġett qed qed jipprevedi rotta twila - parti triq u parti mina – li twassal għall-proġett propost tad-db Group.

“It-triq li twassal għal din il-mina se teqred l-inħawi naturali ta’ St Patrick’s ġewwa Pembroke u l-mina ta’ 1.5 kilometru se tiġi mibnija taħt sit tan-Natura 2000 u x’aktarx ikollha impatt negattiv kemm fejn jidħol it-tniġġis mill-ħsejjes kif ukoll fuq il-biodiversità tal-ilma ħelu,” insistew l-għaqdiet.

Dwar il-mina komplew ifakkru li l-mina f’Pembroke kienet diġàdehret fl-abbozz tal-Masterplan għal Paceville, li llum m’għadux jeżisti, fejn kienet maħsuba biex isservi ż-żona kollha billi tgħaddi minn taħt St. Andrew’s, mingħajr ma taffettwa ż-żona naturali f’St.Patrick’s.

“Dan il-pjan ta’ qabel jidher li ġie abbandunat għal kollox għal tliet mini lokali li se jkunu sempliċiment qegħdin iservu lid-db Group u proġetti kummerċjali enormi oħra fl-inħawi ta’ San Ġorġ, li effettivament se jkunu qed jieħdu spazji naturali u miftuħa mingħand il-pubbliku biex jinqdew l-iżviluppaturi l-kbar,” komplew jispjegaw.

Dwar it-traffiku qalu li l-karozzi u t-traffiku se jispiċċaw jersqu eqreb lejnir-residenzi f’Pembroke u fis-Swieqi.

Innutaw kif waħda mill-mini hija ppjanata li tinbena taħt Triq l-Għarbiel, li tmiss mad-djar ta’ mijiet ta’ residenti tas-Swieqi. 

“Barra minn hekk, il-proġett se jagħmel il-ħajja tar-residenti kompletament miżerabbli matul iż-żmien tal-kostruzzjoni, li x’aktarx jieħu ħafna snin minħabba l-kumplessità tiegħu,” tkompli l-istqarrija.

Minbarra”l-qerda taż-żona naturali ta’ St. Patrick’s,” l-għaqdiet qed jinsistu lil-lok ta’ mina fiż-żona ta’ Għar Ħarq Ħammiem – żona unika ta’ importanza naturali, ġeoloġika u xjentifika – huwa inkwetanti. 

“Apparti dan, l-impatt fuq siti storiċi skedati li se jkollu t-tħaffir massiċċ għal dawn il-mini għadu mhux magħruf, u x’aktarx se jkun negattiv. Il-mini proposti se jiġġeneraw ukoll ammont eċċissiv ta’ skart mill-iskavar li għadna ma nafux kif u fejn se jintrema,” komplew jisħqu.

Temmew jispjegaw kif minkejja li aqblu kompletament li fiż-żona hemm ħtieġa akuta ta’ titjib infrastrutturali appellaw biex dan isir biex iservi lill-poplu u biex itejbilhom il-kwalità ta’ ħajjithom u mhux biex jinqdew l-iżviluppaturi.

L-Istqarrija hija ffirmata minn:

  • Grupp ta’ residenti minn Pembroke u s-Swieqi
  • Archaeological Society of Malta,
  • Attard Residents Environmental Network,
  • Bicycle Advocacy Group,
  • BirdLife Malta,
  • Din l-Art Ħelwa,
  • Flimkien Għal Ambjent Aħjar,
  • Friends of the Earth Malta,
  • Futur Ambjent Wieħed,
  • Green House,
  • Isles of the Left,
  • Moviment Graffitti,
  • Nature Trust Malta,
  • Ramblers Association Malta,
  • Triq l-Għarbiel Residents Group u
  • Żminijietna – Voice of the Left

More in Politika