Muscat jaqbeż għal Schembri; Delia jakkużah li qed iħares l-interess tal-ftit flok tal-ħafna

Delia saħaq li bi kliemu, Keith Schembri kkonferma illi li kieku xehed jew kien se jigdeb jew inkella kien jispiċċa jikkonferma li kiser il-liġi

 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa lill-Prim Ministru hux se jagħmel stqarrija ministerjali dwar il-fatt li dalgħodu, Keith Schembri waqqa' l-libell li kien fetaħ kontra Simon Busuttil biex ma jixhidx dwar il-kumpanija 17 Black.

Fit-tweġiba tiegħu, Muscat qal li ma għandu l-ebda stqarrija, iżda insista li Keith Schembri għandu pariri legali biex ma jweġibx fil-pubbliku dwar materja li dwarha għaddejja inkjesta maġisterjali.

Muscat insista li l-inkjesta "se tkun magħrufa" waqt li tenna li Schembri ma jistax jikkummenta fil-miftuħ għalissa.

Delia ma kien xejn kuntent b'din it-tweġiba, tant li qam biex jikkummenta dwar dak li kien għadu kemm wieġeb Muscat, iżda l-Ispeaker infurmah li ma kellux il-permess biex jagħmel dan.

Madanakollu, Delia uża d-diskors tiegħu dwar il-Liġi tal-Ugwaljanza biex xorta waħda jikkritika t-tweġiba ta' Muscat u l-fatt li fi kliemu, kull min huwa fil-politiku, irid ikun lest li joqgħod għall-iskrutinju pubbliku waqt li insista li dak li jiġri f'Malta ma jsirx f'pajjiżi oħra.

Tenna t-talba tiegħu biex il-Prim Ministru jkeċċi lil Keith Schembri jekk dan ma jirriżenjax minn rajh.

Delia insista li mill-aġir ta' Schembri dalgħodu, huwa ċar li Keith Schembri ma jridx iwieġeb għax għandu x'jaħbi.

Uża kliem Schembri stess li qal li ma jridx jixhed biex ma "jinkriminax lilu nnifsu." Kien għalhekk li Delia saħaq li Schembri ammetta li jekk jitkellem jew se jigdeb jew inkella, jekk ma jigdibx se jikkonferma li kiser il-liġi.

"Huwa ċar li għandna Prim Ministru li ma jridx jiddefendi lil ħafna, lill-pajjiżna...iżda jiddefendi biss lil dawk l-aktar qrib tiegħu," insista Delia.

Saħaq li jekk mhux illum, għada pit għada, il-verità se toħroġ.

"Ma hemmx ministru wieħed fil-Gvern ta' Muscat li jgħid li l-ewwel interess għandu jkun il-pajjiż?" staqsa Delia waqt li tefa' dubju fuq jekk hux "qed jikkmanda l-Prim Ministru jew hux qed jikkmanda Keith Schembri."

Aqra wkoll:

More in Politika