Il-Gvern iwieġeb lil Hyzler ... 'L-ebda liġi ma żżomm lid-deputati milli jieħdu kuntratti tal-Gvern'

Il-Gvern insista li la fil-Kostituzzjoni u lanqas fil-liġijiet ma hemm xejn li jpoġġi lid-Deputati b'kuntratti tal-Gvern f'xi kunflitt ta' interess

Fi stqarrija, il-Gvern saħaq li wara pariri legali li ħa, jirriżultalu li ma hemm xejn fil-Kostituzzjoni u lanqas fil-liġijiet ta’ Malta li jqiegħed lill-Membri Parlamentari li jingħataw kuntratti tal-Gvern f’xi tip ta’ kunflitt ta’ interess.

Il-Gvern saħaq li din hija l-konklużjoni ewlenija ta’ analiżi li tmexxiet mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fuq talba tal-Prim Ministru f’Lulju li għadda wara l-publikazzjoni ta’ rapport mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar membri parlamentari li jkollhom kuntratti mal-Gvern.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler, fost affarijiet oħra, ippropona li Deputati Parlamentari jew jirriżenjaw jew jiġu skwaliffikati mill-Parlament jekk jaċċettaw kwalunkwe tip ta' kuntratt  mingħand il-Gvern jew entità pubblika. 

“Din l-analiżi, li teżamina l-iżvilupp Kostituzzjonali ta’ pajjiżna partikolarment dwar is-sehem ta’ persuni impjegati mal-Gvern u entitajiet pubbliċi, turi li l-Kostituzzjoni bl-ebda mod ma tipprojbixxi membri parlamentari milli jkollhom ingaġġi mal-Gvern, tant li l-Kostituzzjoni stess tagħti lok li xi uffiċjali pubbliċi jistgħu jkollhom siġġu parlamentari u tagħti setgħa lill-Parlament li jilleġiżla u jneħħi iktar projbizzjonijiet,” qed jinsisti l-Gvern.

L-analiżi teżamina wkoll dak li jseħħ f’pajjiżi barranin, kemm dawk li jħaddmu sistema politika u amministrattiva bħal ta’ Malta u anki dawk li jħaddmu sistemi differenti.

Il-Gvern saħaq li -Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma għamel l-ebda distinzjoni bejn is-servizz pubbliku permanenti u ingaġġi temporanji bħal dawk fuq bażi ta’ fiduċja, u lanqas ikkunsidra regolamentazzjoni introdotta biex tirregola dawn l-ingaġġi. 

Minkejja din il-kritika, l-analiżi tagħraf nuqqasijiet fis-sistemi eżistenti li ssemmew fir-rapport ta’ Hyzler u tagħmel rakkomandazzjonijiet dwarhom.

Fost dawn, l-analiżi titkellem dwar ingaġġi fuq bażi ta’ fiduċja, analiżi iktar fil-fond ta’ entitajiet pubbliċi u f’liema bordijiet jistgħu jservu persuni li jkunu membri parlamentari u emendi għall-kodiċi ta’ etika għall-impjegati fis-settur pubbliku u għall-membri tal-bordijiet.

Intant, Mario Cutajar ippreżenta din l-analiżi lill-Kabinett li ddiskuta u laqa’ din il-pożizzjoni. Sussegwentament anke il-Grupp Parlamentari tal-Gvern tratta u addotta din il-pożizzjoni.

Intant, il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern Byron Camilleri talab laqgħa tal-Kumitat Permanenti Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex din l-analiżi tkun tista’ tiġi diskussa wkoll fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

L-analiżi ġiet ippubblikata b’mod sħiħ. Ġewippubblikati wkoll b’mod sħiħ il-pariri legali tal-Avukat Ġenerali Peter Grech u tal-espert kostituzzjonali l-Professur Ian Refalo li ntalbu biex isaħħu l-analiżi tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.                                                      

Aqra wkoll:

More in Politika