L-uffiċċju ‘tiegħu’ ħa aktar minn €165,000 meta kien Segretarju Parlamentari

Imma mal-ILLUM George Hyzler jgħid li hu kien issospenda s-sehem tiegħu mill-kumpanija meta inħatar fi-kariga ... 

Din il-ġimgħa, il-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler, ippubblika rapport illi fih ikkritika l-fatt li Deputati Parlamentari jingħataw kuntratti jew xogħol mal-Gvern u ppropona li meta jiġri hekk dawn ikunu skwalifikati mill-istess Parlament. 

Minkejja dan, informazzjoni li ħarġet din il-ġimgħa fil-Parlament turi illi d-ditta legali tal-istess Hyzler, jiġifieri GVTH (illum GVZH) , kienet għamlet aktar minn €165,000 f’xogħol u kuntratti mogħtija lilha mill-Gvern, fl-istess żmien illi Hyzler kien Segretarju Parlamentari.

Fil-fatt Hyzler kien elett fil-Parlament Malti darbtejn. Darba fl-1996 u sentejn wara fl-elezzjoni tal-1998, li kien rebaħ il-Partit Nazzjonalista. Mar-rebħa, l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami kien ħatru Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi.

 Hyzler kien wieħed mill-fundaturi tal-kumpanija GVZH. Illum m’għadux hekk kif kien approvat b’unanimità biex jokkupa l-kariga tal-Kummissarju tal-Istandards. 

Madanakollu mal-gazzetta ILLUM Hyzler, filwaqt li kkonferma li hu kien imexxi din il-kumpanija, sostna illi meta sar Segretarju Parlamentari “bħala fatt, issospendejt l-involviment tiegħi fid-ditta legali kif kont obbligat li nagħmel u ma kellix sehem fil-profitt għall-perjodu li servejt fl-eżekuttiv. Hekk ukoll qed jagħmlu korrettament il-Ministri tal-lum.”

“Bħala Segretarju Parlamentari bejn l-1998 u l-2003,” kompla jgħid Hyzler, “jien iddedikajt il-ħin kollu tiegħi għall-kariga uffiċjali, kif kien mistenni li jagħmel kull ministru u segretarju parlamentari.”

Imma x’ħadet il-kumpanija ta’ Hyzler meta kien Segretarju Parlamentari? 

Bejn l-1998 u l-2003, il-kumpanija GVZH ħadet fiċ-ċert u minn dak li ħareġ sa issa total ta’ €165,240 minn numru ta’ Ministeri. 

Il-Ministeru tat-Turiżmu ta lill-kumpanija ta’ Hyzler, meta dan kien Segretarju Parlamentari, b’€74,579 f’konsulenzi legali, professjonali u ħlas ieħor. F’kull każ ix-xogħol kien għal Malta Tourism Authority u f’każ wieħed għal Malta Freeport. 

L-aktar li ħadet xogħol minn dan il-Ministeru kien fl-2003 b’€27,100 u fl-2001 b’€26,500. 

Intant fl-istess perjodu ta’ żmien, din il-kumpanija rċeviet xejn inqas minn €54,632 mill-Awtorità tal-Ippjanar, bil-kumpanija tieħu l-aktar xogħol fl-2011, meta rċeviet €13,551 u l-inqas minn din l-entità fl-1999, meta ħadet €9,463.

Il-kumpanija GVZH imbagħad ħadet b’€5,157 f’xogħol fl-istess perjodu mill-Awtorità Marittima Maltija. 

Fl-istess ħames snin illi fihom Hyzler kien Segretarju Parlamentari, għalkemm hu qed jgħid li ma kellux irbit mal-kumpanija inkwistjoni, GVZH ħadet €30,000 f’xogħol f’direct order mill-Ministeru għall-Enerġija. 

Din il-kumpanija ħadet ukoll ammonti żgħar ħafna ta’ xogħol fl-istess perjodu mill-Ministeru għall-Intern u Sigurtà meta ngħatat direct order ta’ €552, fis-sena 2000. Mill-Ministeru għall-Edukazzjoni din il-kumpanija rċeviet €341 għal parir legali. 

Din l-informazzjoni ħarġet matul Ottubru f’risposti minn Ministri differenti għal mistoqsijiet tal-Ministru Edward Zammit Lewis. 

X’wieġeb Hyzler lill-gazzetta ILLUM? 

Il-gazzetta ILLUM bagħtet mistoqsijiet lill-Kummissarju Hyzler illi fihom staqsietu hekk: ‘Meta wieħed iqis illi meta inti kont Deputat Nazzjonalista u Segretarju Parlamentari  (1998-2003) id-ditta legali li inti parti mit-tmexxija tagħha (GVTH illum GVZH), għamlet  eluf ta’ ewro f’konsulenzi u pariri legali mqabbdin mill-Gvern, ma tħossx li b’xi mod il-pożizzjoni tiegħek f’din il-materja hija imminata? 

L-istqarrija (tal-Kummissjoni) tgħid: “iżda l-Parlament ma jistax ikun effettiv f’dan l-irwol jekk id-deputati jiddependu fuq il-Gvern għall-għixien tagħhom.” F’dan il-każ, mhux l-istess kien qed jiġri? Sa ċerta punt kont tiddependi fuq ix-xogħol li qed jagħtik il-Gvern, mhux hekk?’

Hyzler wieġeb hekk: “L-ewwel nett importanti li wieħed jagħmel distinzjoni bejn l-irwol ta’ ministru jew segretarju parlamentari u dak ta’ deputat backbencher. Jiena domt sena bħala backbenchertaħt Gvern Nazzjonalista (1995–1996). F’dan iż-żmien, mhux talli ma kontx niddependi mix-xogħol tal-Gvern imma talli kont direttur ta’ xi kumpaniji tal-Gvern u rtirajt minnhom malli sirt deputat parlamentari. Nista’ nikkonferma wkoll li dak iż-żmien id-ditta legali tiegħi kienet waħda li tieħu xejra ta’ cost-sharingbejn l-imsieħba, jiġifieri li wieħed ma jgawdix mill-qligħ tal-ieħor ħlief li min jaqla’ l-iżjed kien jikkontribwixxi aktar għall-ispejjeż. Dan qed ngħidulek għaliex jiena ma kelli ebda xogħol tal-Gvern u jekk kellhom sħabi, u inċidentalment sa fejn naf jien ma kellhomx, ma kontx ingawdi minnu. Għalhekk l-allegazzjoni tiegħek hija bbażata fuq informazzjoni żbaljata.

Bħala Segretarju Parlamentari bejn l-1998 u l-2003 jien iddedikajt il-ħin kollu tiegħi għall-kariga uffiċjali, kif kien mistenni li jagħmel kull ministru u segretarju parlamentari. Bħala fatt, issospendejt l-involviment tiegħi fid-ditta legali kif kont obbligat li nagħmel u ma kellix sehem fil-profitt għall-perjodu li servejt fl-eżekuttiv. Hekk ukoll qed jagħmlu korrettament il-ministri tal-lum. 

Nassigurak li ma naf li kelli ebda konflitt. Biss anke li kieku stess, għall-grazzja tal-argument, jiena għamilt ħazin, li żgur li ma għamiltx, dan la jżid u la jnaqqas il-mertu tad-diskussjoni li qed nipproponi fil-kariga l-ġdida tiegħi, fil-kuntest tal-proċess ta’ riforma kostituzzjonali mmexxi mill-President ta’ Malta.”

X’qed jipproponi Hyzler bħala Kummissarju tal-istandards? 

Il-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler ippropona li Deputati Parlamentari jiġi skwalifikati mill-Parlament jekk jaċċettaw kwalunkwe tip ta' kuntratt  jew xogħol mingħand il-Gvern jew entità pubblika. 

Fil-mument, numru ta' Deputati huma wkoll kapijiet ta' entitajiet pubbliċi, fosthom Manuel Mallia li jmexxi l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol (OHSA) u l-eks Ministru Għawdxi Anton Refalo li qed imexxi l-Heritage Malta. Xi Deputati Nazzjonalisti wkoll għandhom impjieg ma' entità tal-Gvern, fosthom Kristy Debono. 

"Bl-istess mod, id-deputati m’għandhomx jitħallew jaċċettaw ħatriet bħala persuni ta’ fiduċja jew bħala membri ta’ bordijiet jew kumitati tal-Gvern," jgħid ir-rapport. “Il-prinċipji tad-demokrazija jitolbu li l-Parlament għandu jkun kapaċi jżomm il-Gvern kontabbli għall-għemil tiegħu, iżda l-Parlament ma jistax ikun effettiv f’dan l-irwol jekk id-deputati jiddependu fuq il-Gvern għall-għixien tagħhom," sostna l-Kummissarju Hyzler.

More in Politika