‘L-iżvilupp fiż-żona tal-Jerma għandu jaqdi l-interessi tar-residenti, mhux tal-iżviluppaturi’

Il-Moviment Graffitti qal illi wara konsultazzjoni estensiva mar-residenti Skalin issottometta numru ta’ oġġezzjonijiet għad-Development Brief

Il-Jerma, illum f'telqa
Il-Jerma, illum f'telqa

“Ir-residenti ta’ Marsaskala ħaqqhom żvilupp turistiku li hu proporzjonat għad-daqs u l-infrastruttura tal-lokal, mhux il-qerda tal-istil ta’ ħajja lokali.” Hekk stqarr il-Movimkent Graffitti fis-sottomissjonijet tiegħu dwar id-Development Brief maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar għaż-żona fejn sal-2007, kienet topera l-lukanda lussuża tal-Jerma Palace. 

Għal snin issa din il-binja tħalliet mitluqa, qed taqa’ biċċa, biċċa u bejta ta’ abbuż u anke residenza għal xi persuni bla saqaf fuq rashom għal xi żmien. Il-Jerma kienet magħrufa bħala l-pulmun ekonomiku ta’ din il-lokalità ġdida u mill-isbaħ li matul is-snin kienet ukoll iċ-ċentru ta’ bosta negozji, l-aktar dawk tal-ikel u divertiment.

Il-Moviment Graffitti qal illi wara konsultazzjoni estensiva mar-residenti Skalin issottometta numru ta’ oġġezzjonijiet għad-Development Brief, li skontu “kompletament jinjora l-effetti devastanti ta’ żvilupp massiċċ fuq il-komunità u l-ambjent lokali.

”Il-Moviment jinnota b’sodisfazzjon is-sejħa għat-twaqqigħ tal-binja eżistenti, li illum hija ta’ periklu għal min jipprova jaċċedi għall-kosta, u hi wkoll eyesore għar-residenti u turisti li jżuru l-lokal. 

“Huwa ċar illi d-Development Brief ġie abbozzat sabiex jakkomoda applikazzjonijiet li diġà jinsabu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar” - enfasizza mill-Moviment Graffitti, li kkritika l-Brief għall-fatt li jippermetti użu mhux turistiku tal-art tal-eks Jerma. “Dan  jirrifletti applikazzjoni sottomessa fl-2018 għall-iżvilupp ta’ binja ta’ 15-il sular, li tinkludi lukanda iżda wkoll ta’ ‘l fuq minn 166 appartament u ħwienet fuq l-istess sit. Din l-art, tfakkar l-organizzazzjoni, ġiet konċessa mill-Gvern fit-tmeninijiet bl-iskop ewlieni li jitkattar it-turiżmu fin-Nofsinhar ta’ Malta. “

Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-Moviment Graffitti kkritika l-fatt li d-Development Brief jinkoraġġixxi żvilupp massiċċ, fi żmien meta l-esperti fil-qasam turistiku qed jirrikonoxxu li t-turiżmu tal-massa m’għadux l-aqwa mudell ekonomiku u soċjali, u li l-futur tat-turiżmu jinsab f’investimenti iżgħar u iktar għaqlin, li ma jtellfux il-ħajja tar-residenti. “Dan hu propju l-oppost ta’ dak li qiegħed jippermetti d-Development Brief għas-sit tal-eks-Jerma, li kkommetta 100,000 metru kwadru għall-iżvilupp. “

It-tħassib tar-residenti Skalin ġie rifless ukoll f’dawn is-sottomissjonijiet, hekk kif il-Moviment Graffitti faħħar l-attività ekonomika u l-komunità li nħolqot f’dan il-lokal f’dawn l-aħħar snin.

“Jidher ċar li żvilupp ta’ dan id-daqs ser jaffettwa b’mod negattiv kemm l-infrastruttura ta’ Marsaskala, iżda wkoll il-ħajja tar-residenti, bi ftit li xejn gwadann fit-tul għall-lokal,” tkompli tgħid l-istqarrija tal-għaqda ambjentali.

L-istqarrrija kompliet tgħid “f’suq saturat bħal ma hu l-każ Malti,” sostna l-Moviment Graffitt. “Il-Gvern m’għandux jippermetti iktar żvilupp ta’ din l-iskala, bi ftit li xejn ħsieb għal dawk li se jkunu qiegħdin jgħixu bieb ma’ bieb miegħu.”

More in Politika