Alfred Zammit jiċħad li ngħataw struzzjoniijiet biex fil-weekend ma jingħatawx ċitazzjonijiet fil-Belt

Waqt l-aħħar seduta tal-Kunsill Lokali uffiċjal tal-LESA kien preżenti u ċaħad li kien hemm xi struzzjonjiet simili

Is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit ċaħad allegazzjonijiet li l-Kunsill Lokali mmexxi minnu ta xi struzzjonijiet lill-Aġenzija LESA biex fi tmiem il-ġimgħa ma jingħatawx ċitazzjonijiet lil dawk is-sewwieqa li jipparkjaw b’mod illegali fil-Kapitali.

Fuq il-paġna ta’ Facebook, il-Kunsill Lokali Belti ċaħad dik li sejħilha bħala “gidba sfaċċata” li nxterdet fuq il-midja soċjali u li kienet tgħid li l-Kunsill Belti ta’ struzzjonijiet lil-LESA biex bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd, il-gwardjani lokali ma jagħmlux ronda biex iħarrku lil dawk li jipparkjaw fil-parkeġġi riservati għar-residenti.

Waqt seduta tal-Kunsill Lokali, kien preżenti wkoll uffiċjal tal-LESA li insista li qatt ma kellu xi struzzjonijiet mis-Sindku dwar dan.

Fil-fatt, waqt l-istess seduta, intlaħaq qbil biex issir laqgħa urġenti mal-ogħla uffiċjali tal-LESA biex ikun assigurat li l-liġi tiġi osservata.

“Min qed jinqeda bil-midja soċjali u jxandar nuqqas ta’ verità, qed jagħmel ħsara lill-progress fil-Belt Valletta u lir-residenti nfushom,” insista Zammit.

More in Politika