Infrastructure Malta tisħaq li għal darb'oħra ġie kkonfermat li l-proġett Central Link huwa meħtieġ

Dan wara li t-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar ċaħad l-appell li kien tressaq dwar dan il-proġett

Iż-żona fejn se jsir il-proġett
Iż-żona fejn se jsir il-proġett

Infrastructure Malta laqgħet id-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar li, fi kliem l-Aġenzija, tikkonferma mill-ġdid li l-Proġett tas-Central Link huwa s-soluzzjoni biex jissolvew il-problemi tal-konġestjoni u tniġġis tal-arja f’Birkirkara, Ħal Balzan, Ħal Lija, Ħ’Attard u nħawi oħrajn fil-madwar. 

Fi stqarrija, Infrastructure Malta saħqet li t-tribunal ikkonferma wkoll il-validità tal-istudji li saru bi tħejjija mit-tim t’esperti, ekonomisti, periti, inġiniera u tekniċi li kienu fdati bl-ippjanar u l-konsultazzjoni ta’ dan il-proġett.

“L-allegazzjoni li saret mill-appellanti li dawn il-pjanti u l-istudji kien fihom informazzjoni “qarrieqa” ġiet miċħuda mit-Tribunal bħala “fierha u bla bażi”. Bl-istess mod ġiet miċħuda wkoll bħala “mhux korretta” l-allegazzjoni tal-appellanti li l-pubbliku ma kellux aċċess għall-informazzjoni dwar il-proġett waqt il-proċess tal-ippjanar li wassal għall-ħruġ tal-permess għall-iżvilupp tal-proġett,” saħqet l-aġenzija fl-istqarrija.

Fakkret li wara li diġà kien ġie studjat mill-Kummissjoni Ewropea, dan il-proġett issa għandu wkoll l-approvazzjoni minn żewġ bordijiet separati tal-ippjanar. 

“M’għad hemm l-ebda dubju dwar l-urġenza, il-validità u l-benefiċċji ta’ dan l-investiment. Is-Central Link Project għandu wkoll l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta tal-poplu, kif jikkonfermaw l-istudji soċjoloġiċi indipendenti li saru waqt il-fażi tal-ippjanar,” kompliet l-istqarrija.

Infrastructure Malta saħqet li matul il-proċess tal-appell, pprovdiet lit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar kull informazzjoni u appoġġ li kien jeħtieġ biex jagħmel ir-reviżjoni tiegħu dwar is-Central Link Project u jiddeċiedi dwar it-talbiet li sarulu mill-appellanti. 

More in Politika