Aktar turisti f'Settembru u aktar minn 2.1 miljun turist fl-ewwel disa' xhur tal-2019

It-turiżmu jkompli bi triqtu 'l fuq matul Settembru b'żidiet fin-numru ta' turisti, ljieli li qattgħu pajjiżna u fin-nefqa 

Blue Lagoon, f'Kemmuna. Wieħed mill-aktar postijiet popolari mat-turisti f'Malta
Blue Lagoon, f'Kemmuna. Wieħed mill-aktar postijiet popolari mat-turisti f'Malta

Matul ix-xahar ta' Settembru ġew f'pajjiżna mal-287,461 turist, żieda ta' 3% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra. 

Minn dawn il-maġġoranza assoluta jew 261,696 turist ġew pajjiżna għal vaganza, filwaqt li 16,750 persuna ġew pajjiżna fuq negozju. 

Turisti minn stati membri tal-UE żiedu b'5.6% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra. 

Il-maġġoranza tat-turisti kienu bejn 25 u 44 sena f'età (41%) segwiti minn dawk bejn 45-64 sena (30%). In-numru ta' ljieli li turisti qattgħu f'pajjiżna żdied b'2.1% biex laħaq kważi 2.1 miljun. 

In-nefqa matul dan ix-xahar kienet ta' €257 miljun jew żieda ta' 5.9% meta mqabbel mal-istess xahar fl-2018. 

Fl-ewwel disa' xhur tas-sena ġew pajjiżna 2,135,425 turist jew żieda ta' 4.8% meta mqabbel mal-2018. In-numru ta' ljieli żdied b'2.9% għal 15.2 miljun lejl filwaqt li l-ispiża laħet il-€1.8 biljun, jew 4.2% aktar mill-2018. 

More in Politika