Identity Malta twaqqa’ tender wara mistoqsijiet tal-ILLUM

F’tender għal servizzi ta’ awditjar, Identity Malta kienet poġġiet restrizzjoni ċara fuq l-aġenti tal-Programm tar-Residenza b’Investiment, minħabba riskju ta’ kunflitt ta’ interess, iżda fil-proċess tal-għażla, l-Aġenzija, dehret qed tikser ir-restrizzjoni tagħha stess. It-tender li dwaru ġibdet l-attenzjoni l-ILLUM twaqqa’...

 

L-Aġenzija tal-Gvern, Identity Malta, waqqgħet tender li kienet rebħitu l-kumpanija GCS Assurance Malta Ltd u li dwaru l-gazzetta ILLUM kienet ġibdet l-attenzjoni matul din il-ġimgħa. Dan dwar il-fatt li dan kien jikser restrizzjoni ċara li kienet għamlet l-istess Aġenzija biex tevita possibilità ta’ kunflitt ta’ interess.

 

Meta Identity Malta ppubblikat it-tender (IMA2019/010),  għal servizzi ta’ awditjar fi ħdanha, kienet poġġiet restrizzjoni ċara li “aġenti tal-Aġenzija Maltija għar-Residenza u l-Viżas (MRVA) mhumiex eliġibbli li jipparteċipaw f’dan it-tender minħabba potenzjal ta’ kunflitt ta’ interess.”

Madanakollu, sorsi ġibdu l-attenzjoni tal-gazzetta ILLUM li l-kumpanija li rebħet it-tender, jiġifieri GCS Assurance Malta Ltd, kellha rabta ċara ma’ aġent tal-Programm tar-Residenza b’Investiment.

Fil-fatt, ix-shareholders (sidien) ta’  din il-kumpanija huma tnejn: il-kumpanija Michael Kyprianou (Malta) u Christian Gravina. L-ishma huma maqsuma nofs bin-nofs, jiġifieri Michael Kyprianou (Malta) għandha 50% tal-ishma.

Michael Kyprianou (Malta), hija sussidjarja tal-kumpanija Ċiprijotta Michael Kyprianou Advocates & Legal Consultants, liema kumpanija hija illiċenzjata (IIP 064) bħala aġent tal-Aġenzija Maltija għar-Residenza u l-Viżas.

Fil-fatt, wieħed mis-sidien u d-diretturi ta’ Michael Kyprianpou (Malta) huwa David Meli. F’din il-kumpanija, Meli għandu 25% tal-ishma. L-istess Meli huwa wkoll direttur u rappreżentant legali ta’ GCS Assurance Malta Limited, il-kumpanija rrakkomandata minn Identity Malta.

Minkejja din ir-rabta, mal-gazzetta ILLUM, Meli kien insista li ma kien hemm xejn xi jżomm lill-kumpanija GCS Assurance Malta Ltd milli tipparteċipa fit-tender (aqra aktar ’l isfel).

Fil-lista tal-aġenti tal-MRVA, David Meli huwa mniżżel bħala l-persuna li wieħed għandu jikkuntatja jekk ikollu bżonn is-servizzi ta’ Michael Kyprianou Advocates & Legal Consultants.

Mhuwiex magħruf jekk fl-evalwazzjoni tat-tender, din il-konnessjoni ġietx innutata mill-ewwel minn Identity Malta.

‘Is-Segretarju Permanenti qed jeżamina l-każ’

L-ILLUM għamlet kuntatt kemm ma’ Identity Malta, mal-avukat David Meli u anke mas-Segretarju Parlamentari responsabbli minn Identity Malta, Julia Farrugia Portelli.

Kelliema għal Farrugia Portelli talbitna ngħaddu dawn il-mistoqsijiet lill-kelliem ta’ Identity Malta, li min-naħa tiegħu saħaq li dan il-każ, li dwaru l-ILLUM ġibdet l-attenzjoni, kien qed ikun eżaminat mis-Segretarju Permanenti u li kienu se jittieħdu l-passi kollha neċessarji, “kemm-il darba jkun meħtieġ.”

Huwa spjega kif it-tender inkwistjoni ntrebaħ wara li kellu l-inqas offerta. Fil-fatt, l-offerta ta’ GCS Assurance Malta Ltd kienet ta’ €19,350 (VAT eskluż) fuq tliet snin. L-offerti l-oħra kienu jvarjaw bejn €23,600 u €84,000.

“Il-kuntratt għadu mhux iffirmat u għaldaqstant l-Aġenzija m’għaddiet l-ebda xogħol lill-kumpanija,” assigurat Identity Malta.

‘Ma kien hemm l-ebda impediment li jwaqqaf il-GCS’

Min-naħa tiegħu, David Meli kien insista mal-ILLUM li ma kien hemm l-ebda impediment li jwaqqaf lil GCS Assurance Malta Ltd milli titfa’ l-offerta tagħha.

Meli kien insista li minkejja li Michael Kyprianou (Malta) hija azzjonista f’GCS Assurance Malta Ltd, ix-shareholder tagħha huwa non-controlling (anke jekk dan xorta waħda ma jwaqqafx shareholder milli jiggwadanja mill-profitt tal-kumpanija).

Meli kien ikkwota l-liġi u saħaq li dan huwa rekwiżit regolatorju biex “azzjonista li mhuwiex awditur ma jkollux kontroll fuq l-operat tal-kumpanija.”

“Michael Kyprianou (Malta) Ltd hija meqjusa li ma għandhiex kontroll fuq GCS, biex hekk GCS tkun tista’ tagħmel l-operat tagħha ta’ awditjar b’mod indipendenti kif tgħid il-liġi,” kien spjega l-Avukat.

Madanakollu kien baqa’ ma weġibx dwar l-irwol tiegħu fiż-żewġ kumpaniji u jekk dan setax jimpedixxi lill-GCS milli tipparteċipa fit-tender

Identity Malta hija l-aġenzija tal-Gvern responsabbli mill-passaporti, id-dokumenti ta’ identità, il-permessi għax-xogħol u r-residenza u anke l-programmi ta’ investiment. L-MRVA hija l-aġenzija responsabbli speċifikament mill-amministrazzjoni u l-promozzjoni tal-Progamm Malti tar-Residenza b’Investiment.

More in Politika