Delia jistaqsi għalfejn Herrera u Muscat għadhom ma tkellmux dwar il-permess tal-Qala

Dalgħodu fuq Net FM il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa għalfejn il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ambjent għadhom ma tkellmux dwar il-permess li ngħata fil-Qala

Meta kien qed jitkellem fuq Net FM, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, staqsa għalfejn ħadd mill-Gvern, fosthom il-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera, mhu qed jitkellem dwar il-permess mogħti fil-Qala biex binja żgħira tinbidel f’villa.

“Jiena ma nara l-ebda progress li xi ħadd b’mod abbużiv u mgħejjun mill-Gvern jibni strutturi fejn mhux suppost tibnihom,” qal Delia minkejja li fil-fatt hemm, policy li tippermetti li jsir dan l-iżvilupp jekk ikun ippruvat li din il-binja xi darba kienet isservi ta’ post fejn jgħixu n-nies. Din il-policy saret minn Gvern Laburista u sa issa l-PN għadu ma qalx illi se jkun qed ibiddilha.

“Smajna mingħand kulħadd,” kompla jgħid. “Mill-Kunsilliera Nazzjonalisti u Laburisti, ambjentalisti  ... imma ma smajna xejn mingħand Clayton Bartolo. Mhux aħjar jispjegalna għalfejn iddeċieda favur dan il-bini?” staqsa Delia. Fil-fatt Bartolo diġà insista li hu kien qed isegwi l-policy tal-Awtorità tal-Ippjanar. Huwa qal li hu qed jistenna li joħroġ jitkellem il-Prim Ministru u l-Ministri tal-Ambjent u tal-Finanzi.

Delia tkellem fuq numru ta’ kwistjonijiet oħrajn fosthom il-konċessjoni ta’ tliet sptarijiet issa li Steward Healthcare li din il-ġimgħa reġgħet kienet fl-aħbarijiet. F’referenza wkoll għall-ftehim oriġinali mal-kumpanija Vitals Global Healthcare (VGH) Delia qal illi “dan ma kienx ftehim ħażin imma ftehim qarrieqi magħmul biex ifalli.”

Huwa qal li issa qed jirriżulta dak li ilha tgħid l-Oppożizzjoni, jiġifieri li dawn mhuma qed jinvestu xejn. “Aħna qed nagħtuhom €150 miljun u huma tawna €36 miljun. U l-PM jidher kuntent.”

Issa qed jirriżulta dak li qed ngħidu aħna... dawn mhuma qed jinvestu xejn. Il-PM ma tantx kellu xi jgħid meta rrisponda.

“Għandna garanzija li l-Gvern qed jisraq il-miljuni fis-saħħa u l-PN se jibqa’ jistaqsi u jara li kull min qed jisraqna jpatti ta’ għemilu.”

Dwar ir-riforma fil-PN Delia qal li hemm bżonn li l-partit jerġa’ jkun protagonist fil-bidliet tal-pajjiż u tkun Oppożizzjoni b’saħħitha.  “Demokrazija taħdem mhux meta l-maġġoranza tkun assoluta u l-minoranza tindifen,” qal Delia.

More in Politika