L-istess paga għall-istess xogħol ma tgħoddx għal Steward Healthcare, tgħid il-UĦM

Il-UĦM Voice of the Workers qalet illi Steward Health Care qed tinsisti li mhux se tħallas l-istess paga għall-istess xogħol lill-ħaddiema tagħha

It-tmexxija ta' Steward Healthcare
It-tmexxija ta' Steward Healthcare

Fi stqarrija l-UĦM Voice of the Workers sostniet li ilha mis-Sajf tinsisti li l-professjonisti impjegati direttament ma’ Steward Health Care għandhom jiġu assorbiti mill-Gvern.

"Huwa veru li dawn il-professjonisti qed jaqdu d-dmirijiet tagħhom spalla ma’ spalla ma’ professjonisti tal-Gvern, jaħdmu fl-istess sala, jaraw l-istess pazjent u saħansitra jilbsu l-istess uniformi. Iżda meta niġu għall-kundizzjonijiet, dawn għandhom kundizzjonijiet ferm iżjed inferjuri minn ta’ sħabhom," qalet il-unjin fl-istqarrija. 

Steward Health Care qed tinsisti li hi mhix marbuta li tħallas l-istess paga u tagħti l-istess kundizzjonijiet għall-istess xogħol li qed jagħmlu il-ħaddiema tal-Gvern, qalet il-unjin li sostniet illi "dan huwa l-abbuż ċar li l-Gvern qed iħalli li jsir fl-isptarijiet tiegħu. Fi kliem ieħor, dan huwa prekarjat ieħor maħluq mill-Gvern."

"Il-UĦM Voice of the Workers sa mill-ewwel ġurnata oġġezzjonat fuq dan it-tip ta’ ftehim tal-Public Private Partnership (PPP) u, fil-fatt, hija l-unika union li qatt ma iffirmat ftehim mal-Gvern u mal-entità peress li dan huwa mibni fuq ftehim moħbi u li ħadd ma jaf x’fih."

L-istqarrija tgħid ukoll illi unions oħrajn "li kienu jafdaw f’dan il-ftehim", ukoll urew it-tħassib tagħhom dwar kemm dan il-ftehim verament qed jissarraf.Huma kienu qed jagħmlu referenza għall-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) li lbieraħ saħansitra talbet lill-Gvern sabiex jieqaf jibgħat flus lil Steward Health Care.

Sadattant, il-UĦM Voice of the Workers qed twissi lill-Gvern li dan huwa taħwid li ħoloq hu stess u għaldaqstant wasal iż-żmien li jibda jsolvi din il-problema kbira billi jassorbi dawn il-ħaddiema.

"Jekk il-Gvern jonqos li jagħmel hekk, allura din il-union se tkun qed tieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji skont il-liġi."

More in Politika