Analiżi | Delia: progress tajjeb u riskju perikoluż fuq il-barranin

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn id-diskorsi tal-mexxejja politiċi dwar il-Baġit. Tibda l-analiżi tagħha b'Adrian Delia

Adrian Delia, fir-risposta tiegħu għall-Baġit kellu diskors tajjeb, li xi minn daqqiet kien fih stqarrijiet jew ċifri mhux korretti b’tonalità ġeneralment monotana, għajr f’xi ftit punti partikolari meta qam l-entużjasmu fost il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista hekk kif Delia kien qiegħed jitfa’ l-batuti lejn il-Gvern. 

Kollox ma’ kollox, Delia għafas fuq dawk il-fallimenti u nuqqasijiet tal-Gvern b’suċċess, iżda naqas milli jagħti indikazzjoni iktar ċara ta’ viżjoni alternattiva għal dik tal-Gvern, għall-inqas fuq kwistjonijiet ċentrali bħall-barranin, il-kirjiet u l-politika ekonomika tal-pajjiż. 

Hawn huma ftit mill-punti li Delia tkellem dwarhom flimkien ma’ analiżi ċkejkna għal kull wieħed minnhom. 

L-immigrazzjoni u l-barranin

L-immigranti, il-barranin u l-popolazzjoni kien l-aktar suġġett li l-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwaru u li dwaru kkritika lill-Gvern. Ikkwota ċifri ta’ kemm jaħdmu barranin f’pajjiżna, pjuttost indiskriminament u mingħajr ma (għall-ewwel) għamel distinzjoni bejn Ewropej u immigranti minn pajjiżi terzi. Fakkar illi aktar nies, ifisser aktar pressjoni. Huwa xebbah l-effett tal-popolazzjoni fuq l-infrastruttura ma’ dik ta’ dar iffullata u qal li l-unika soluzzjoni tal-Gvern hija li ‘jkabbar l-ekonomija bil-barranin.’ 

Dan il-punt huwa interessanti. L-ewwel nett il-barranin ġew pajjiżna propju għax l-ekonomija kibret u kien hawn ix-xogħol u mhux l-ekonomija kibret u kien hawn ix-xogħol għax ġew il-barranin. Din hija differenza netta u importanti, anke jekk il-miġja tal-barrani tat xi ftit ta’ imbuttatura lill-konsum privat. Tajjeb ninnotaw ukoll iżda li hemm ċerta dipendenza fuq il-barranin, speċjalment fejn jirrigwarda proprjetà, is-suq tal-buy-to-let, il-kostruzzjoni u oħrajn. Huwa vera wkoll illi kieku kellhom jitilqu l-barranin kollha issa stess, hawn setturi li jieħdu daqqa kbira għax id-domanda tonqos waħda sew. Għalhekk wieħed tajjeb jistaqsi jekk jitilqu dawn l-immigranti min se jissodisfa d-domanda għall-mijiet ta’ impjiegi li qegħdin fih huma? 

Dan allura jġibna għat-tieni punt. Jekk Delia jrid inqas, imma iktar kwalità fejn jidħlu barranin, kif se jagħmel dan? Kif se jasal għal din il-mira? U kif se jilħaq l-għan li ‘jnaqqas il-barranin’? Inaqqas ir-ritmu ekonomiku biex ma jkunx hawn ħafna xogħol u l-barranin jitilqu? Tkun politikament u ekonomikament suwiċidali. Jitlob li Malta titlaq miż-żona Shengen? Tkun diffiċli li tikkonvinċi lill-UE li Malta tkun l-unika pajjiż li ma tkunx parti minn dan l-arranġament fil-blokk politiku (ir-Renju Unit se jitlaq mill-UE u numru ta’ pajjiżi oħrajn għaddejjin mill-proċess biex jissieħbu). 

Jiġifieri fuq din il-kwistjoni jista’ jkun li Delia qed jifhem il-burdata tal-poplu, imma qed jonqos milli joffri viżjoni għaż-żmien li ġej jew għat-tul. Fin-nuqqas ta’ dan, ħafna illi ma jaqblux mal-politika ta’ integrazzjoni ta’ Muscat qed jersqu lejn l-estrem li qed joffri soluzzjonijiet radikali jew ma jivvutawx. 

Rewwixta f’Ħal Far

Ma setax jonqos li Delia jibda d-diskors tiegħu bl-inċidenti li seħħew f’Ħal Far ftit sigħat biss qabel. 

Delia kien b’saħħtu u għamel punt pjuttost pożittiv meta rrimarka illi l-Gvern għamel konferenza għax fetaħ karreġġjata mbagħad m’għamilx waħda wara inċident bħal dak. Għandu raġun u ma setgħetx kienet kumbinazzjoni li ma saritx konferenza minn Gvern li r-relazzjonijiet pubbliċi għalih huma tant ċentrali. Mhux talli hekk, talli l-Gvern u l-awtoritajiet lanqas biss irreaġixxew jekk mhux sigħat wara. Il-Pulizija dehru sigħat wara (kien diġà sebaħ u kważi l-11 am), iż-żona tal-madwar ma kinitx issiġillata għall-fini ta’ sigurtà, il-Ministru ma deherx Ħal Far u aktar. 

Fil-verità, is-sitwazzjoni tat lil Delia opportunità tad-deheb biex jikkritika l-mod kif inħadmet l-operazzjoni. Minflok huwa ta interpretazzjoni partikolari dwar l-istqarrija tal-Gvern li qalet illi kienu involuti 300 immigrant u mhux iktar. Huwa donnu ried jakkuża lill-Gvern illi ried inaqqas is-serjetà tal-każ jew jeżonera lill-immigranti. Apparti li dan huwa argument fjakk, il-Gvern għandu d-dmir li fl-istqarrijiet tiegħu jkun preċiż, korrett, onest u mhux sensazzjonali (tiftakru l-każ tal-eks Ministru Manuel Mallia?) Il-Gvern huwa fid-dmir li jara li kwistjoni bħal din ma tikbirx wisq għax malajr ikollu sitwazzjoni ħafna ikbar f’idejh. 

Minkejja li t-tixbihat ma’ raħal u stadjum tal-futbol kienu tajbin, Delia jeħtieġ joqgħod attent ħafna li ma jirkibx iżżejjed fuq ir-rabja ta’ bħalissa għall-voti. L-ewwel nett għaliex il-mewġa ta’ bħalissa tista’ tkun b’saħħitha, iżda momentarja u għax jekk allaħares qatt jerġa’ jkun hemm inċident ta’ mibegħda bħalma diġà kien hawn (il-qtil ta’ Lassana Cisse) hemm periklu politiku serju li jpoġġi parti mit-tort fuq ħoġru. 

Dan huwa suġġett sensittiv ħafna u jeħtieġ ikun trattat b’kawtela enormi. Ir-riperkussjonijiet soċjali u anke politiċi jistgħu jkunu kbar.  

Pappagalli u korijiet

Delia, bosta drabi ried isaħħaħ l-impressjoni ta’ Grupp Parlamentari Laburista illi huwa segwaċi għami ta’ Muscat. Huwa għamel dan bl-użu, mhux darba, ta’ kliem bħal ‘il-kor’ u ‘jirrepetu bħall-pappagalli’. 

Fil-verità, jista’ jkun li kien qed jipprova jinża’ minn fuqu l-impressjoni ta' kap li m’għandux l-appoġġ tal-Grupp Parlamentari tal-PN. Dan qed jagħmlu billi jipprova jbiddel l-immaġini ta’ partit magħqud qaqoċċa wara Muscat, għal Grupp Parlamentari li fil-fatt qed isegwi lil Muscat b’mod għami u mingħajr sens ta’ individwalità. Meta jagħmel dan qed jipprova allura jagħti l-impressjoni li n-nuqqas ta’ qbil fil-Grupp Parlmentari Nazzjonalista huwa frott persuni li qed jaħsbu iktar b’mod individwali u li għandhom aktar libertà jgħidu dak li jħossu. 

L-aħħar sentejn juru li dan mhux il-każ u li d-diviżjonijiet fil-PN huma bil-wisq aktar fondi minn sempliċiment ‘libertà’ u ‘moħħ miftuħ’. 

Il-faqar u l-perċezzjonijiet

Delia jagħmel aċċenn partikolari fuq il-faqar u anke l-akkomodazzjoni soċjali. Bħalma għamel diversi drabi, Delia ffoka l-aktar fuq dawk li huma foqra u staqsa l-mistoqsija klassika: ‘fejn hu s-surplus?’

Fil-verità din il-mistoqsija hija indirizzata lil dawk li mhumiex qed ilaħħqu mal-ħajja, speċjalment dawk il-persuni li jinsabu f’kera u/jew li għandhom paga baxxa. Hija mistoqsija rettorika magħmula biex toqros u tnaqqas mill-preġju tas-surplus. 

Qed taħdem? Mhux neċessarjament. Il-Gvern adotta strateġija intelliġenti li jqassam il-flus f’kull Baġit b’numru ta’ miżuri u inizjattivi fiskali. Dan iktar qed jagħti l-impressjoni li jekk ‘mhux qed nieħu llum, taħt dan il-Gvern se nieħu xi ħaġa, xi darba.’ Dan ifisser li mhux neċessarjament se taħdem din it-tattika użata diversi drabi minn partiti differenti, bħalissa. Hawn perċezzjoni, mibnija xi ftit jew wisq fuq ir-realtà, illi dan il-Gvern qed jagħti u jżid diversi benefiċċji. Min-naħa l-oħra kien hawn perċezzjoni wkoll, mibnija xi ftit jew wisq fuq ir-realtà, illi l-Gvern preċedenti kien qed jieħu (kontijiet tad-dawl u l-ilma, żieda fil-prezzijiet tal-gass...). Dan jagħmilha diffċli biex Delia jkun konvinċenti fuq dan is-suġġett, biżżejjed biex jirbaħ il-voti, anke jekk għad hawn eluf ta’ ħaddiema u pensjonanti li għadhom qed jgħixu fil-faqar jew fix-xifer tiegħu. 

Id-dritt ta’ saqaf fuq rasek

Delia jmiss ma’ kwistjoni li qed tweġġa’ lil minoranza ta’ nies li jgħixu waħedhom jew inkella li għandhom pagi baxxi jew medji-baxxi. 

Huwa ħareġ b’saħħtu fil-housing għaliex minkejja diversi tħabbiriet dwar 1,700 appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali, sitt snin minn meta kien elett il-Gvern preżenti, il-proċess għadu pjuttost lura. Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma ż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà u rrimarka sarkastikament illi ‘tant qed jaqilgħu l-ħaddiema li lanqas jifilħu jitfgħu depożitu fuq post’. 

Il-Kap tal-PN qed iwiegħed id-dritt ta’ saqaf fuq rasek. 

Għal darb’oħra hawnhekk Delia kien b’saħħtu u tefa’ l-melħ fuq ferita partikolari li qed tweġġa’ sew numru ta’ nies. Imma x’inhi s-soluzzjoni? Fir-realtà Delia ftit għandu għażliet dwar il-prezzijiet tal-proprjetà għajr miżuri intervenzjonisti li jiddeterminaw il-prezzijiet. 

Jista’ iżda, jekk l-affarijiet ma jimxux bil-pass mixtieq min-naħa tal-Gvern, jaħseb biex għall-elezzjoni jwiegħed proġetti kbar, flimkien mal-privat jekk hemm bżonn, għal akkomodazzjoni soċjali u anke affordabbli bi proġezzjonijiet ċari ta’ spejjeż u miri ta’ tlestija. 

Università u tliet sptarijiet

Tnejn mill-aktar kuntratti imbarazzanti u dubjużi li għamel Gvern Laburista huma dawk mal-kuntratturi Ġordaniżi għall-ħolqien tal-American University of Malta (AUM) u dak mal-Vitals Global Healthcare. 

Jgħid x’jgħid hawn Delia (jew kwalunkwe mexxej ieħor) se jkun b’saħħtu, speċjalment fir-rigward tal-AUM li sa issa għadha lura ħafna biex tilħaq il-miri stabbiliti fil-kuntratt, xi ħaġa aċċettata minn Deputat tal-Gvern ukoll. 

Minkejja li l-kuntratt u l-intriċċi madwar l-VGH jibqgħu li huma, jista’ jkun li t-tlestija tax-xogħol fuq l-iskola ta’ Barts tnessi xi ftit mir-rabja u l-mistoqsijiet dwar kumpanija mmexxija minn xi ħadd anonimu. 

Egrant: dak li nafu u li ma nafux

Għal xi ħin Delia tkellem dwar ir-rapport Egrant magħmul mill-Imħallef Aaron Bugeja, li minnu sa issa nafu l-konklużjonijiet. Dawn jgħidu li ma hemm ebda prova li tgħaqqad din il-kumpanija ma’ Michelle Muscat. 

Delia jakkuża lill-Avukat Ġenerali li qed iħares biss l-interess tal-Gvern u jgħid illi r-rapport qiegħed għand il-Partit Laburista kollu imma mhux għand l-Oppożizzjoni.

Il-kwistjoni ta’ Egrant fir-rigward tal-familja Muscat sa issa tidher eżawrita, ta’ min jew għal min kienet miftuħa din il-kumpanija fil-Panama għadha mistoqsija li għad trid tiġi mwieġba. 

Għalissa Delia jista’ biss jistenna u jittama li hemm sentenza jew paragrafu li jitfgħu xi forma ta’ dubju jew indikazzjoni ġdida dwar Egrant jew id-declaration of trust. Sadanittant iżda, jista’ jagħmel gwadann legali u anke politiku billi jirbaħ il-‘ġlieda’ biex ikollu kopja tar-rapport dwar Egrant. 

Kurt Farrugia u l-meritokrazija

Trid jew le, l-iżvelar ta’ pagi eżorbitanti lil nies li huma meqjusin ‘ta’ ġewwa’ qatt ma tinżel tajjeb u ma tantx tagħti xi impetu politiku pożittiv lill-partit ikkonċernat. 

Delia, kif mistenni, għamel kapital politiku mill-istorja illi Kurt Farrugia illi ngħata pakkett ta’ €179,000 fil-Malta Enterprise. Kif mistenni kien effettiv, speċjalment fid-dawl tal-fatt illi la Farrugia u lanqas il-Gvern ma rreaġixxew jew innegaw l-istorja ta’ The Sunday Times. 

Delia juża l-istqarrija ta’ Muscat fil-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew meta wiegħed li l-Gvern se jagħmel lil kulħadd ‘sinjur żgħir’. 

B’sarkażmu effettiv u sa issa rari għal Delia, il-Kap tal-PN elenka ‘s-sinjuri żgħar ta’ Muscat’. 

Fosthom kien hemm Ali Sadr Hasheminejad, sid il-bank Pilatus li għandu lista ta’ akkużi ta’ frodi fil-konfront tiegħu fl-Istati Uniti, numru ta’ Russi, Ċiniżi u Iżraeliti li xtraw il-passaporti Malti u li qed ikunu akkużati bi frodi u ħasil ta’ flus, fost l-oħrajn. 

Backbenchers u jobs for the boys

Adrian Delia sfida lill-PM Muscat biex ineħħi l-possibbilità li l-Gvern jaħtar deputati minn tiegħu fit-tmexxija ta’ diversi entitajiet pubbliċi. 

Meta wieħed iħares lejn din l-isfida prima facie, probabbilment jiddeċiedi li hija tajba. Hija prattika ħażina (biex ma ngħidux ġenn) li deputati jew anke uffiċjali ta’ partit jitpoġġew fit-tmun ta’ entitajiet importanti u kardinali, bil-kunsiderazzjoni ewlenija tkun l-affinità politika u l-lealtà. Dan apparti li toħloq problema ta’ kunflitt ta’ interess, meta inti trid tiskrutinja l-istess Gvern li inti parti minnu. 

Il-problema b’Delia hija li meta kien fil-Gvern il-PN kien ħoloq il-preċedent permezz ta’ Jeffrey Pullicino Orlando li tpoġġa bħala Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija (MCAST). Gvern Laburista uża dan il-preċedent biex għamel liġi li permezz tagħha deputati jitpoġġew fit-tmun ta’ xi entitajiet. 

Il-probabbilità hija li xi mkien fis-snin li ġejjin din il-liġi se tiġi taħt skrutinju qalil, Malti u Ewropew (diġà ġiet ikkritika mill-Kummissarju għall-Istandards), u allura Delia qed jieħu deċiżjoni politika pożittiva li jinvesti f’din il-kwistjoni.

More in Politika