'Jekk aħna rridu niżirgħu xi żerriegħa hemm bżonn tkun żerriegħa ta’ paċi u mhux ta’ mibegħda'

Fid-dawl tal-irvell tat-Tnejn li għadda l-Arċisqof Charles J Scicluna jappella

F'kummenti dwar l-irvell fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far, L-Arċisqof Charles J. Scicluna saħaq li jekk aħna rridu niżirgħu xi żerriegħa hemm bżonn tkun żerriegħa ta’ paċi u mhux ta’ mibegħda.

"Iż-żerriegħa tal-mibegħda tkisser lilna nfusna qabel xejn. Iż-żerriegħa tal-paċi hi magħmula mit-tolleranza, mid-djalogu u anke mill-qalb li tifhem u tagħder lill-proxxmu tagħna," qal l-Isqof.

Skontu l-avvenimenti ta’ dawn l-aħħar jiem għandhom ikunu okkażjoni għalina l-Maltin u l-Għawdxin biex nieqfu u naħsbu dwar x’qed jiġri madwarna. 

"Ħadd mhu lest jiġġustifika l-vjolenza, tkun minn fejn tkun ġejja; la vjolenza fiżika fuq in-nies u l-patrimonju, u wisq inqas kliem ta’ mibegħda li jagħmel ħsara mhux biss lill-proxxmu tagħna imma anke lil min jagħmlu," qal Scicluna.

Scicluna qal ukoll li għandna d-dritt nitolbu l-ħarsien tal-liġi tal-pajjiż, imma dan ma jiġġustifikax li aħna nużaw kliem ta’ mibegħda għal xi kategorija ta’ nies jew anke għal xulxin. "L-appell tiegħi hu li aħna nibqgħu poplu li nilqgħu l-barrani, u nikkwota l-enfasi li għamel il-Papa Franġisku meta jfakkarna f’dik is-sentenza tal-Iskrittura mill-Ittra lil-Lhud fejn tgħid: ħafna, huma u jilqgħu l-barranin, mingħajr ma kienu jafu, kienu qed jilqgħu lill-anġli (ara Lhud 13:2)."

Fl-aħħar nett huwa għamel referenza storika u rrakonta kif, "elfejn sena ilu aħna lqajna grupp ta’ nies li sfaw nawfragati fuq ix-xtut tagħna. Magħhom kien hemm priġunier jismu Pawlu ta’ Tarsu. Tana l-ikbar barka! Iż-żerriegħa li żera’ Pawlu għamlet il-frott. Ma nkunux aħna li niżirgħu żerriegħa ta’ mibegħda li tkissirna," temm jgħid Scicluna.

More in Politika