In-nuqqas ta' ħaddiema kkwalifikati hija l-akbar uġigħ ta' ras għall-investituri barranin f'Malta

Minkejja dan, 77% tal-investituri barranin f'Malta xorta jħarsu lejn il-pajjiż bħala destinazzjoni ideali għall-investiment

In-nuqqas ta’ ħaddiema kkwalifikati ssemma bħala l-akbar sfidi li qed tiffaċja Malta biex tattira lejha investiment barrani dirett.

Dan irriżulta mill-Attractiveness Survery ta’ Malta ppubblikat illum. Fost oħrajn, l-istħarriġ juri kif 27% tal-investituri barranin qalu li sabu biżżejjed ħaddiema kkwalifikati f’Malta.

Fuq perjodu ta’ erba’ snin, jirriżulta li kien hemm tnaqqis ta’ 18% fl-għadd ta’ investituri li qalu li sabu biżżejjed ħaddiema bil-ħiliet neċessarji.

Id-Direttur tal-EY Malta Simon L Barberi saħaq li setturi kollha qed jiffaċjaw nuqqas ta’ ħaddiema bil-ħiliet neċessarji.

Il-figuri juru wkoll kif 63% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ saħqu li dan in-nuqqas huwa l-akbar riskju li qed jaffettwa d-deċiżjonijijet dwar l-investiment tagħhom f’Malta.

Apparti minn hekk, kien hemm nuqqas ta’ 10% fl-investituri li jemmnu li Malta qed iżomm mal-pass tal-bidliet regolatorji f’ġurisdizzjonijiet barranin, biex issa huwa 73% dawk l-investituri barranin f’Malta huma mħassba.

37% tal-investituri jaħsbu li l-qafas leġislattiv f’Malta joffri vantaġġ internazzjonali kompetittiv. Dan ifisser tnaqqis ta’ 19% meta mqabbel ma’ kif kienu jaħsbuha sas-sena li għaddiet.

Fl-aħħar xhur, il-Gvern Malti introduċa liġijiet importanti ħafna dwar teknoloġiji ġodda, fosthom il-blockchain, iżda Barberi insista li hemm bżonn liġijiet ġodda jekk il-pajjiż irid iżomm il-vantaġġ tiegħu fuq oħrajn.

77% iħarsu lejn Malta bħala pajjiż attraenti għall-investiment

Minkejja dawn l-isfidi, 77% tal-investituri barranin f’Malta xorta waħda jħarsu lejn il-pajjiż bħala destinazzjoni ideali għall-investiment, riżultat li huwa simili għal dak tas-sena li għaddiet.

Ir-rata tat-taxxa f’Malta, l-istabbilitità tal-klima soċjali u anke l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni kollha ssemmew bħala aspetti importanti għall-investiment f’Malta.

More in Politika