BirdLife tgħid li l-Gvern ċeda għall-pressjoni tan-nassaba

BirdLife qed tisħaq li l-bidliet għad-deroga tal-insib saru biex jaġevolaw biss lin-nassaba u mhumiex ibbażati fuq il-liġi

Għasfur f’gaġġa li jintuża bħala lixka għall-insib ta’ għasafar tal-għana oħra, xi ħaġa li issa hija illegali (Ritratt ta’ Karen Varnham)
Għasfur f’gaġġa li jintuża bħala lixka għall-insib ta’ għasafar tal-għana oħra, xi ħaġa li issa hija illegali (Ritratt ta’ Karen Varnham)

Hekk kif fetaħ l-istaġun tal-insib, BirdLife Malta saħqet li l-bidliet għad-deroga saru minħabba l-ilmenti mressqa min-nassaba, talbiet li skont BirdLife bl-ebda mod mhuma bbażati fuq fatti.

Il-bidliet prinċipali jinkludu żieda ta’ għaxart ijiem fl-istaġun tal-insib, b’mod partikolari għall-Pluviera, u tnaqqis fid-daqs tal-malju tax-xbieki li jintużaw għall-Malvizz. 

L-insib għal dawn iż-żewġ speċi għadu soġġett għal Proċeduri ta’ Ksur li kienu nfetħu mill-Kummissjoni Ewropea fl-2011. 

Il-bidliet fil-liġi tal-insib kienu tressqu l-ewwel darba fil-laqgħat tal-Kumitat Ornis wara li rriżulta li aktar kmieni din is-sena l-Kummissjoni kienet ressqet numru ta’ lmenti quddiem l-awtoritajiet Maltin dwar il-mod kif kienet ġiet implimentata d-deroga fl-2018. 

F’Mejju 2019, BirdLife Malta kienet ippreżentat ir-riżultati tal-eżerċizzju ta’ sorveljanza li kienet għamlet tul l-istaġun tal-insib tal-2018 lid-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea. 

BirdLife kienet sabet li kważi 83% tal-imnasab li ġew issorveljati fl-2018 kien qed isir insib illegali għall-għasafar tal-għana u għal speċi oħrajn li mhumiex permessi bid-deroga. Ftit inqas minn 58% tal-imnasab li nstabu attivi kienu wkoll qed jintużaw illegalment f’zoni mhux awtorizzati mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU).

Il-proposti li finalment tressqu u ttieħed vot fuqhom fil-Kumitat Ornis kienu jirrappreżentaw dak li insistew fuqu n-nassaba, u ma kien bl- ebda mod ibbażat fuq xi fatti xjentifiċi jew ta’ konservazzjoni

Uħud mill-miżuri li d-WBRU ippjanat li tindirizza kienu jinkludu t-tnaqqis fid-daqs massimu li jista’ jokkupa mansab għall-Malvizz, u tnaqqis ta’ 41 ġurnata fil-perjodu li matulu jsir l-insib għall-Malvizz. 

Madanakollu, fil-laqgħat ta’ wara, id-WBRU irtirat dawn il-proposti mingħajr ma tat l-ebda spjegazzjoni.

“Dan jindika ċar li saru diskussjonijiet bil-bibien magħluqa bejn il-Gvern u n-nassaba, bil-Gvern iċedi għall-pressjoni tal-għaqdiet tan- nassaba,” saħqet BirdLife. “Il-proposti li finalment tressqu u ttieħed vot fuqhom fil-Kumitat Ornis kienu jirrappreżentaw dak li insistew fuqu n-nassaba, u ma kien bl-ebda mod ibbażat fuq xi fatti xjentifiċi jew ta’ konservazzjoni.”

Filwaqt li staġuni tal-insib fl-aħħar snin kienu limitati għall-perjodu bejn Ottubru u Diċembru, l-emendi għal-liġi li saru din is-sena jippermettu li l- staġun tal-insib jiġi estiż sal-10 ta’ Jannar. 

Il-bidla l-oħra l-kbira hija dik tat-tnaqqis fil-daqs tal-malju minn 45mm x 45mm kif kienu x-xbieki użati fl-istaġun tal-2018, għal malju ta’ 35mm x 35mm li issa qed jiġi permess għall-insib tal-Malvizz. 

BirdLife Malta temmet tisħaq li d-deroga tal-insib tibqa’ waħda insostenibbli u tappella lill-Gvern Malti biex ma jpoġġix lil Malta f’riskju li terġa’ tispiċċa quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sempliċiment biex jaġevola lin-nassaba.

More in Politika