L-MUT u l-Ministru jikkummisjonaw studju dwar il-professjoni tal-għalliema

Il-Ministru Evarist Bartolo saħaq li d-dinamika fil-klassijiet inbidlet u l-isfidi l-ġodda għandhom ikunu identifikati

Il-Unjoni Maltija tal-Għalliema, f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, se tkun qed tniedi studju dwar il-professjoni tal-għalliema bil-għan li jkunu stabbiliti l-isfidi li jiffaċjaw dawk li jaħdmu fl-industrija.

L-istudju se jkun qed jitmexxa minn Mark Borg li se jkun qed jitkellem ma’ kull min hu involut fit-tagħlim.

Borg saħaq kif filwaqt li l-istudju se jinkludi focus groups u intervisti, l-istudju mhux se jkun qed jibbaża fuq kampjuni.

“Il-kwistjonijiet li qed jiffaċjaw l-għalliema fi skola, mhumiex neċessarjament dawk li jiffaċjaw għalliema fi skola oħra,” saħaq Borg.

Il-Ministru Evarist Bartolo saħaq li fl-istudju se jkunu qed jieħdu sehem anke dawk li ma għadhomx involuti fit-tagħlim, bil-għan li jkun stabbilit x’wassalhom biex jieħdu din id-deċiżjoni.

“Aħna rridu ntejbu s-sitwazzjoni għal kulħadd,” saħaq Bartolo.

Kompla jgħid li llum il-ġurnata d-dinamika fil-klassijiet inbidlet u dawk li għandhom f’idejhom it-tmexxija tas-settur għandhom jidentifikaw il-problemi ġodda.

“Il-klassijiet inbidlu. Il-ġenituri nbidlu. L-istudenti nbidlu. Għalhekk irridu nsibu soluzzjonijiet għal dawn il-problemi l-ġodda,” saħaq Bartolo.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici spjega kif l-istudju mistenni jkun lest sal-1 ta’ April li ġej, iżda ż-żewġ partijiet qablu li jekk ikun hemm biżżejjed informazzjoni, miżuri li jkunu jistgħu jittieħdu immedjatament għandhom isiru anke qabel jintemm l-istudju

More in Politika