Raġel jispiċċa akkużat għalxejn li żżewweġ Russa meta kien għadu miżżewweġ ma' Maltija

Il-Qorti tal-Appell teħles raġel minn akkuża ta' bigomija f'każ ferm imbarazzanti għar-reġistru pubbliku

Raġel mir-Rabat inħeles mill-akkużi ta’ bigomija wara li l-Qorti semgħet kif l-ewwel żwieġ tiegħu kien annullat, f’każ ferm imbarazzanti għar-reġistru pubbliku.

Ir-raġel kien akkużat fl-2014 żżewweġ għat-tieni darba meta legalment kien għadu miżżewweġ, reat li jista’ jfisser erba’ snin ħabs.

Fl-2015, il-Qorti kienet infurmata li r-raġel kien legalment separat mill-mara tiegħu Maltija iżda ma kienx iddivorzjat.

Rappreżentant tar-Reġistru Pubbliku xehed li r-raġel kien legalment separat mill-mara tiegħu fis-sena 2000, iżda kien mar għandhom biex japplika għat-tnidijiet f’Marzu tal-2014, biex jinbeda proċess biex huwa jiżżewweġ għat-tieni darba.

Id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku kien bagħat imejl lill-Pulizija, jinfurmahom li Micallef kien iżżewweġ mara Russa meta kien għadu miżżewweġ mara Maltija.

Mistoqsi mill-Avukat Arthur Azzopardi jekk sarux il-verifiki neċċessarji qabel ma ħarġu t-tnidijiet, ix-xhud qal li seta’ kien hemm nuqqas ta’ sorveljanza jew żball minn naħa tal-uffiċjal responsabbli. 

Mix-xhieda ħareġ li r-reġistru kellu aċċess fuq żewġ tipi ta’ informazzjoni fuq dettalji tal-individwi.

Madakollu, Uffiċjal taż-Żwiġijiet li xehed wara, qal lill-Qorti li ma kien hemm l-ebda informazzjoni li kienet tindika li r-raġel kien miżżewweġ.

L-ewwel żwieġ kien annullat fl-2018.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet kif ġaladarba l-ewwel żwieġ kien null, ir-raġel ma kellux għalfejn jinstab ħati.

“Minkejja li l-akkużat iżżewweġ għat-tieni darba, l-ewwel żwieġ kien għadu fis-seħħ minħabba li kien legalment isseparat u qatt ma kiseb id-divorzju, iżda l-fatt li wara ż-żwieġ tiegħu kien ġie dikjarat null, ifisser li ma jistax jinstab ħati…..bl-ewwel żwieġ ma jistax jiġi kkunsidrat bħala validu jew żwieġ leġittimu,” qalet il-Qorti.

More in Politika