Tilqa' l-aħbar ta' Villa Guardamangia b'mod pożittiv u titlob li jsir l-istess f'Manoel Island

Flimkien għal Ambjent Aħjar tilqa' b'mod pożittiv l-aħbar li l-Gvern se jixtri Villa Guardamangia, fejn kienet tgħix ir-Reġina Eliżabetta snin ilu

Il-bieb ta' Villa Guardamangia
Il-bieb ta' Villa Guardamangia

Fi stqarrija l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) laqgħet b'mod pożittiv il-fatt imħabbar mill-Prim Ministru lbieraħ, jiġifieri li l-Gvern xtrara Villa Guardamangia u se jirrestwraha biex din issir attrazzjoni turistika. L-għaqda ambjentali fakkret illi kienet ilha titlob għar-restawr ta' din il-villa illi fiha kienet tgħix ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni meta kienet tiġi Malta.

"Din il-villa jixraqilha li tkun restawrata mhux biss minħabba l-valur storiku tagħha, għax hija l-unika residenza tar-Reġina barra r-Renju Unit, imma wkoll minħabba il-merti arkitettoniċi tagħha." 

"Ir-restawr ta' din id-dar li għandha ssir b'sensittività huwa ta' benefiċċju għal pajjiżna u għall-appell tal-prodott turistiku Malti," sostniet FAA li fakkret illi issa din ser issir aċċessibbli għall-pubbliku, bil-konsegwenza li n-nies isiru jafu iktar dwar il-wirt sinjur ta' pajjiżna. 

L-għaqda appellat lill-gvern biex ikompli jixtri aktar proprjetajiet ta' wirt storiku importanti, speċjalment, kompliet tgħid, issa li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż hija tajba. "Manoel Island huwa wieħed minn dawn il-postijiet," sostniet FAA. "Minflok żvilupp kummerċjali li se jżid it-traffiku u l-emmissjonijiet, il-pubbliku jkun moqdi ħafna aħjar "kieku Manoel Island issir park ta' wirt storiku bi spazji miftuħa u pubbliċi." 

Ir-Reġina Eliżabetta II
Ir-Reġina Eliżabetta II

More in Politika