Il-President Vella jattendi għall-ħatra tal-Imperatur Ġappuniż

Iċ-ċerimonja saret fil-Palazz Imperjali f’Tokyo

Iktar kmieni llum, il-President George Vella u s-Sinjura Vella attendew għaċ-ċerimonja uffiċjali li fiha ngħata l-ħatra għat-tron l-Imperatur Ġappuniż ġdid Naruhito.

Iċ-ċerimonja saret fil-Palazz Imperjali f’Tokyo u l-President u s-Sinjura Vella kienu fost il-mistednin distinti minn madwar id-dinja li awguraw l-isbaħ xewqat lill-imperatur il-ġdid għar-responsabbiltà ġdida li assuma f’din il-kariga.

Waqt iċ-ċerimonja Naruhito wiegħed li se jkompli jestendi l-id tal-ħbiberija u l-paċi lill-komunità internazzjonali.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-President Vella faħħar il-wegħda li għamel l-imperatur li se juża l-kapaċitajiet tiegħu biex ikompli jkabbar il-prosperità fost il-popli tad-dinja kollha.

Huwa esprima s-sodisfazzjon li kien preżenti għaċ-ċerimonja li saret b’ritwal strett u qal li kien impressjonat bil-perfezzjoni li ġiet organizzata biha ċ-ċerimonja skont it-tradizzjoni Ġappuniża.  

Għaċ-ċerimonja attendew bosta kapijiet ta’ stat, membri tal-familji rjali, politiċi, ambaxxturi u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ewlenin minn madwar id-dinja kollha, fosthom mill-Ġnus Magħquda u l-Unjoni Ewropea.

More in Politika